Internazzjonali

L-Iran: Ir-reġim jisfrutta l-funeral tal-President biex iwassal messaġġ politiku ‘li jirrifletti l-għaqda’

Il-funeral attwali tal-President Iranjan, Ebrahim Raisi – imqassam fuq diversi jiem — qed jissimbolizza fuq kollox it-teokrazija tax-Xiti li tifforma l-bażi tal-politika domestika u internazzjonali tal-Iran.

Dan meta d-demostrazzjonijiet tal-massa – li s-soltu jispikkaw waqt il-funerali tal-personalitajiet tal-Istat – huma kruċjali għar-reġim biexjuri l-leġittimità tal-politika tiegħu….Il-funerali fuq skala hekk kbira,fil-fatt, ilhom jiddominaw fl-Iran minn żmien ir-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979  meta l-pajjiż kien immexxi mill-Ayatollah Ruhollah Khomeini.

Fl-aħħar sigħat, l-Ayatollah tal-Iran attwali, Ali Khamenei, ippresieda fuq il-funeral ta’ Raisi li nhar il-Ħadd miet, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan Hossein Amir-Abdollahian u sitta oħra, fit-tiġrif ta’ ħelikopter qrib il-fruntiera Iranjana mal-Ażerbajġan.

Intant, Khamenei mexxa t-talb funebri fl-Università ta’ Tehran fejn kienu twasslu l-katavri tal-vittmi tal-inċident. Dawn il-katavri, imbagħad, ittieħdu fi Pjazza Azadi, fil-kapitali, fost l-għajjat ostili tal-folol fil-konfront tal-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Iranjani qed iwissu kontra d-dimostrazzjonijiet kontra l-President Raisi li, fis-snin tmenin, u bħala Kap tal-Ġudikatura Iranjana, kien iffirma l-kundanna tal-mewt għall-eluf ta’ priġunieri politiċi. L-istess awtoritajiet anki ħalfu biex jieħdu passi kontra l-Iranjani li bagħtu l-messaġġi kontra Raisi u l-kummenti biex jiċċelebraw mewtu fuq il-media soċjali.

Ir-reġim tal-Iran iddikjara ħamest ijiem ta’ luttu nazzjonali malli kkonferma l-mewt tal-President Raisi – u meta qed issir pressjoni fuq il-poplu biex jattendi bi ħġaru għall-attivitajiet funebri. Ir-riti funebri  kienu rrankaw nhar it-Tlieta fil-belt ta’ Tabriz u fiċ-ċentru ta’ Qom, fejn eluf ta’ Iranjani attendew għaċ-ċerimonji biex ifakkru lill-President.

Il-katavru ta’ Raisi, issa, irid jitwassal lejn il-provinċja ta’ Khorasan qabel it-trasferiment lejn il-belt ta’ Mashhad fejn, għada l-Ħamis, issir  id-difna tal-President.