Internazzjonali

Renju Unit: Elezzjoni bikrija għall-4 ta’ Lulju

Il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, ħabbar li l-poplu fir-Renju Unit għandu jivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija fl-4 ta’ Lulju li ġej.

Hu ħabbar dan waqt xandira speċjali quddiem l-Uffiċċju tiegħu f’Downing Street (f’Londra) – u fejn stqarr li jħossu kburi dwar dak li wettaq il-Partit Konservattiv fil-Gvern. Dan fost referenza partikulari għall-infiq tal-Gvern fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-konferma tal-elezzjoni bikrija ngħatat wara jiem ta’ spekulazzjoni, f’internsiva f’Westminster, is-sede tal-Amministrazzjoni.

Intant, Sunak – waqt li ddiskuta l-pandemija tal-Covid u l-gwerra fl-Ukrajna bħala avvenimenti li spikkaw waqt it-Tmexxija tar-Renju Unit mit-Tories – enfasizza li l-poplu għandu jiddeċiedi t-triq ‘il quddiem u l-partit li għandu jafda l-aktar bit-tmexxija tal-pajjiż.

Il-konferma dwar l-elezzjoni bikrija ngħatat ukoll wara li s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Lord David Cameron, qata’ fil-qasir żjara fl-Albanija – bil-Ministru tad-Difiża Grant Schapps jispiċċa jħassar mawra barra r-Renju Unit biex jattendi laqgħa urġenti tal-kabinett f’Londra.

Sadanittant, il-ħsieb li l-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit ma jsirx fl-istess żmien bħall-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti jidher li kien fattur wara d-deċiżjoni biex il-Britanniċi jerġgħu joħorġu jivvutaw fil-bidu tas-sajf.