Lokali

Robert Abela jgħid li pajjiżna għaddej minn żmien seren – ikompli bin-narrattiva tan-nassa

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna ma’ Net News li dwar nhar it-Tlieta, kellem lil min kellu jkellem, iżda min hi din il-persuna jew dawn il-persuni li kellem baqa’ ma qalx.

Dan hekk kif fl-aħħar jumejn, b’reazzjoni għall-fatt li l-faxxa ta’ Muscat qed issejjaħ lil miġemgħa sabiex jinġabru quddiem il-binja tal-Qorti meta se jitressaq il-predeċessur tiegħu akkużat fost oħrajn bi frodi u ħasil ta’ flus… Robert Abela qed jinsinwa allegazzjonijiet gravi li l-Partit Nazzjonalista qed iħejji pjan ta’ tensjoni.

L-ironija hi li dawn it-tensjonijiet qed joħolquhom fost oħrajn l-uffiċjal tal-Gvern Laburista Jason Micallef u l-Avukat ta’ Muscat, Charlon Gouder, li sejħu għal laqgħa ta’ solidarjetà.

L-Erbgħa waranofsinhar Net News staqsa lil Abela jekk għandux evidenza biex jissostanzja dak li qed jgħid u jekk verament jaf b’xi nassa, kellimx lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Filwaqt li qal li għaddejjin minn perjodu ta’ serenità… minflok kien ċar u tond mal-poplu Malti u Għawdxi, bħala Prim Ministru ta’ kull ċittadin – baqa’ jkun vag għall-aħħar u jkompli bl-istorja tal-pjan.

Pjan li fil-verità ħadd ma jaf għalxiex qiegħed jirreferi għajr għal attakki kontinwi fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista meta fil-verità huma partitarji Laburisti stess li se jkunu qed jattendu għal tali avveniment… organizzat minn fost oħrajn uffiċjal tal-Gvern preżenti.

B’diskors li fih il-Prim Ministru indika b’mod ċar li mhuwa komdu xejn b’din is-sejħa għal-laqgħa, donnu li tilef il-kontroll u għaldaqstant qed ifarfar kollox fuq il-Partit Nazzjonalista.

Dan filwaqt li b’mod mill-aktar surreali, minkejja dan kollu insista li għaddej minn żmien seren.

Mistoqsi jekk verament għandu evidenza ta’ xi nassa li se twassal għal tensjoni kbira wassalx din l-informazzjoni lill-Pulizija, Robert Abela sostna li dak li kellu jgħid qalu lil min kellu jgħidu… għalkemm mhux magħruf jekk dawn il-persuni misterjużi humiex il-Pulizija, l-organizzaturi… jew Joseph Muscat innifsu.

Il-fatt jibqa’ li l-unika dikjarazzjoni ta’ biża’ u tensjoni s’issa ġejja minn fomm il-Prim Ministru u l-kamp Laburista, b’aċċenn ukoll fl-aħħar jumejn minn Robert Abela nnifsu dwar is-snin tmenin… snin fejn fih fost oħrajn partitarji Laburisti għamlu ħerba sħiħa, kumbinazzjoni, mill-binja tal-Qorti.