Wara li f’nofs kampanja elettorali l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat ġibed it-tapit minn taħt saqajn Robert Abela, l-Erbgħa filgħodu l-Mexxej tal-Labour ħass li kellu jerġa’ jwissi lill-klikka ta’ Muscat. Dan sabiex nhar it-Tlieta joqogħdu attenti, li ma mmorrux lura għat-Tmeninijiet.
It-tmexxija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kienet kostretta tivvina intervista fuq ir-radju Laburista. Dan sabiex Abela jerġa’ jieħu ċ-ċentru tal-attenzjoni, li itteħidlu minn Joseph Muscat – li jum wara l-ieħor qed ilaqqa’ lin-nies f’diversi lokalitajiet.
B’mod surreali, il-Prim Ministru qed jiddikjara li l-protesta tat-Tlieta hija nassa tal-PN. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech jinsisti li jekk Abela għandu xi informazzjoni, missu jmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija. Dan minkejja li l-partitarji tal-Labour qed jitniżżlu fit-toroq mill-propagandista ewlieni Emmanuel Cuschieri, l-uffiċjal tal-Gvern Jason Micallef u l-Avukat Charlon Gouder.
S’issa mhux magħruf għalfejn b’mod mill-aktar irresponsabbli, Abela qed jixħet ir-responsabbiltà fuq il-Partit Nazzjonalista – iżda filwaqt li huwa fatt li l-ebda persuna ma trid vjolenza jew nuqqas ta’ kalma – it-tensjoni b’mod awtomatiku qed tinħoloq bis-sejħa stess sabiex in-nies jinġabru quddiem il-Qorti nhar it-Tlieta filgħodu… meta se jkun qed jitressaq il-Qorti Joseph Muscat. Turija ta’ dgħufija qawwija ta’ Abela hekk kif huwa ċar li m’għandu ebda kontroll fuq il-faxxa ta’ Muscat.
Waqt din l-intervista, ma naqsux l-attakki partiġjani fuq il-Partit Nazzjonalista, fuq il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, fuq Brussell u fuq l-inkjesta maġisterjali tal-Vitals.
Dan filwaqt li kompla għaddej bin-narrattiva ta’ biża’ u babaw fuq dan l-establishment li ħoloq hu.
Fuq is-Super One, Abela qal li l-Gvern qed jaħdem b’mod normali. Dan minkejja li qabad u waqqaf is-seduti Parlamentari, proprju biex jevita kull tip ta’ skrutinju.
//= $special ?>