Lokali

“Robert Abela tilef il-kontroll u jinsab f’paniku” – PN

Robert Abela għandu jieqaf isaħħan l-irjus u għandu jieqaf minn din l-imġiba irresponsabbli.  Hu evidenti mill-aġir tiegħu tal-aħħar jiem, li minflok jiffoka fuq l-isfidi ta’ pajjiżna għandna Prim Ministru mitluf ifajjar diskors ta’ firda u gideb bl-addoċċ għax ma jafx fejn se jagħti rasu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dalgħodu Robert Abela kompla jrewwaħ lill-partitarji Laburisti bi kliem li jħaddar kontra min qed jagħmel xogħlu, u jżommu accountable għal dak li qed jiġri f’pajjiżna.

Sadanittant, sa issa ma jidhirx li Robert Abela aġixxa kif kellu jagħmel, u ċioè għadu ma marx għand il-Kummissarju tal-Pulizija, jekk verament jemmen dak li qal hu stess li l-Partit Nazzjonalista ħejja xi nassa għal meta jitressqu n-nies il-Qorti fit-28 ta’ Mejju. Xhieda li dan kien biss kliem fieragħ intiż biex jaqla’ l-inkwiet.

Abela kompla jigdeb meta qal li l-Partit Nazzjonalista m’għamel xejn fuq l-IVF meta kien il-Partit Nazzjonalista li beda dan is-servizz f’pajjiżna. Gideb ukoll meta qal li l-Partit Nazzjonalista jrid iwaqqaf is-sussidji fuq l-enerġija meta giddbuh id-deputati tiegħu stess. Robert Abela qed jigdeb u jrewwaħ minflok isolvi l-problemi tal-pajjiż.