Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Stabbiltà ineffettiva… kull ġimgħa togħla l-ħajja” – Il-familji mhux qed ilaħħqu mal-prezzijiet għoljin

Il-familji Maltin u Għawdxin qed jesprimu l-fatt li mhux qed jirnexxielhom ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar sal-punt li qed jispiċċaw jiċċaħdu mill-iktar affarijiet bażiċi.

Wara li Net News ippubblika artiklu b’għadd ta’ risposti li ġab mingħand in-nies dwar jekk hux qed iħossu differenza wara li issa għaddew il-ġimgħa mindu bdiet l-iskema tal-Gvern Stabbiltà, kienu ħafna dawk li qablu man-nies li qalu li din l-iskema kienet ineffettiva tant li ma raw l-ebda differenza fix-xirja tagħhom.

Oħrajn saħansitra qalu kif mhux talli x-xirja ma raħsitx, talli qed jinnotaw iktar prodotti li għolew fil-prezz tagħhom.

Quddiem din is-sitwazzjoni, ħafna qisuha bħala farsa hekk kif anke jekk xi prodotti esperjenzaw xi roħs, dan ir-roħs tant kien minimu li l-effett huwa ftit li xejn.

Is-sitwazzjoni wasslet biex ħafna jiftakkru l-famuża frażi li “kulħadd sar sinjur żgħir”. Frażi li ntqalet mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat; l-istess persuna li mistenni jkun akkużat fost oħrajn b’ħasil ta’ flus u frodi meta kien fit-tmexxija ta’ pajjiżna.