Jamie Jameson Magro u Iain Turnball, it-tnejn ta’ 18-il sena, mill-Qawra u l-Mosta rispettivament ammettew għal akkuzi ta’ serq. Fil-Qorti, il-pulizija qalet li ż-żewġ żgżazagħ li jaħdmu bħala bartenders, ġew arrestati ftit ħin biss wara li wettqu serqa minn residenza fin-Naxxar.
Mit-tfittxija li saret fuq Magro u Turnball, instabu fil-pussess ta’ mannara, maxetta u ammont ta’ ġojjellerija, liema oggetti nsterqu minn residenza li tinsab fi Triq Ta’ l-Imdawra, fin-Naxxar ftit tal-ħin biss qabel.
Rapporti li daħlu għand il-Pulizija kienu jgħidu li fi Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar, kien hemm żewġ persuni suspettużi u li kienu fil-pussess ta’ arma kbira li taqta’ u bil-ponta.
Fil-post marru l-Pulizija u fl-istess triq ġew innutati ż-żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħatatilhom. Dawn twaqqfu u minn tfittxija li saret fuqhom insabu armi u l-ġojjelerija..
Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, il-pulizija kompliet tgħid li mill-investigazzjonijiet irriżulta li ftit tal-jiem qabel nsterqet ukoll vettura mill-istess propjetà u saru hsarat fuq numru ta’ vetturi fl-istess inħawi mill-istess żgżażagħ.
Is-sentenza se tinghata wara li jitħejja pre-sentencing report mill-uffiċjal tal-probation. Id-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, bil-Maġistrat Rizzo tilqa’ t-talba tad-difiża bil-kundizzjoni liż-żewġ żgħażagħ jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Mosta u l-Qawra,li jiddepożitaw is-somma ta’ 300 ewro u garanzija personali ta’ elf ewro.
Il-Magistrat ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittmi. Ghal Jamie Jameson Magro dehru l-avukati Arthur Azzopardi u Frank Tabone filwaqt li għal Iain Turnball dehret l-avukat tal-ghajnuna legali Julia Micallef Stafrace.
//= $special ?>