Numru kbir ta’ pazjenti u qraba tagħhom qasmu l-esperjenzi tagħhom fuq Facebook wara li ilhom snin sħaħ jistennew għal diversi operazzjonijiet u s’issa għadhom jistennew, b’uġigħ liema bħalu.
Fuq il-media soċjali, persuna partikolari qalet li binha ilu sentejn jistenna għal operazzjoni f’saqajh, b’persuna oħra tgħid li ilha erba’ snin tistenna għal operazzjoni f’idha u persuna oħra ilha tistenna ħames snin b’riżultat li spiċċat lanqas tista’ timxi iktar.
“Jekk trid tiftaħar fuq il-billboards bis-saħħa aħjar rajt x’tagħmel biex isolvi d-dewmien li hemm fil-qasam tas-saħħa l-ewwel. U prosit, għax dan, BIS-SAĦĦA tiegħek!”
Dan kien kumment partikolari li ġibed l-attenzjoni fl-isfond tal-kriżi fis-settur tas-saħħa, b’kumment ieħor jinnota kif fl-aħħar jiem ittellgħu biss billboards mimlijin ftaħir; minflok proposti mill-Gvern għall-futur ta’ dan is-settur.
Apparti d-dewmien kbir għal operazzjonijiet, oħrajn ilmentaw kif anke fl-emerġenza qed ikun hemm dewmien ta’ sigħat.
B’persuna tgħid li anzjan ta’ 70 sena, wara tmien sigħat kien għadu ma rah ħadd u matul din l-istennija nnotaw ukoll anzjan ta’ 89 sena jibki bl-uġigħ waħdu wara sigħat sħaħ jistenna.
Quddiem dan kollu ħafna ftakru kif is-settur tas-saħħa spiċċa f’din is-sitwazzjoni… meta l-Gvern Laburista mhux talli baqa’ jinsisti b’mudell ekonomiku tal-over population, iżda saħansitra għażlu li jisirqu l-miljuni ta’ ewro minn but il-poplu Malti u Għawdxi u qed jagħmel minn kollox biex dawn il-flus ma jiġu lura.











