Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

“Diżappunt kbir li l-Gvern qed jittraskura l-protezzjoni ambjentali” – Kunsillier Laburista f’Ħal Għaxaq

“Huwa ta’ diżappunt kbir li tara lill-Gvern jittraskura l-protezzjoni ambjentali, billi jagħtu prijorità lill-gwadann għal żmien qasir minflok għas-sostenibbiltà fit-tul.”

Hekk sostna l-Kunsillier Laburista Anthony Vella f’post fuq il-midja soċjali hekk kif sigħat wara li numru ta’ voluntiera naddfu il-Wied taż-Żebbuġ, f’Ħal Għaxaq, dan reġa’ spiċċa mimli b’ħafna skart goff.

Vella qal li nieħdu ħsieb in-natura u r-raħal mhuwiex biss ħtieġa ambjentali, huwa wkoll impenn għall-wirt u l-futur tal-popli. Huwa saħaq li l-ħarsien tar-riżorsi naturali jiżgura arja nadifa, ilma u ekosistema b’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Li ninvesti fi prattiċi sostenibbli u komunità responsabbli nkunu nistgħu nippreservaw is-sbuħija tal-irħula.

Il-Kunsillier Laburista spiċċa wkoll ikkundanna l-aġir ta’ Robert Abela hekk kif fil-post tiegħu Vella qal li huwa skoraġġanti li tara l-Gvern jittraskura l-protezzjoni ambjentali, billi jagħti prijorità lill-gwadann għal żmien qasir minflok fuq is-sostenibbiltà fit-tul. Huwa qal ukoll li huwa inkwetanti n-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-pubbliku fiż-żamma ta’ ambjent nadif. Dan għaliex, dawn l-attitudnijiet jipperikolaw is-saħħa tal-poplu kif ukoll il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Anthony Vella spjega li d-dipartiment tal-Cleaning għamlu kuntatt miegħu u qalu li għandhom jitwaħħlu bins fil-wied, iżda fl-istess waqt Vella qal li ma ġiex provdut servizz sabiex dawn il-bins jitbatlu. Hawnhekk huwa staqsa kif dan se jitbattlu speċjalement meta l-Wied ma jaqax taħt il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, dan apparti li l-Gvern ta’ Robert Abela ma pprova l-ebda fondi sabiex il-Kunsill jkun jista’ jinvesti f’dan is-servizz.

Apparti minn hekk, il-Kunsillier Laburista qal li ma jaqbilx mal-fatt li dawn il-bins li ġew provduti huma tal-plastic flok tal-ħadid, dan għaliex faċilment jistgħu jieħdu n-nar jekk persuna tarmi xi faħam li jkun għadu jaħraq u li jista’ jikkawża nirien mal-wied kollu.