L-istakeholders kollha fis-settur tas-servizzi finanzjarji huma responsabbli mir-reputazzjoni ta’ Malta, kemm jekk awtoritajiet, is-settur privat iżda wkoll il-politiċi, u dan huwa kruċjali biex pajjiżna jkompli jattira impjiegi ta’ kwalità f’dan il-qasam.
Dan sostnih id-deputat Jerome Caruana Cilia, Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, fejn hu wkoll responsabbli mis-settur tas-Servizzi Finanzjarji, waqt diskors f’konferenza organizzata mill-Institute of Financial Service Practitioners.
Caruana Cilia qal li sena wara li ħriġna mill-grey-listing tal-FATF ninsabu fi żmien opportun biex issir diskussjoni onesta fuq fejn jinsab dan is-settur u ‘l fejn irridu mmorru fis-snin li ġejjin. Huwa fakkar li l-Oppożizzjoni tibqa’ konvinta li s-servizzi finanzjarji huwa qasam fundamentali għall-ekonomija ta’ pajjiżna u appella biex il-Gvern jikkonsulta magħha fuq deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw elementi importanti, fosthom il-qasam fiskali, u li jħallu impatt fuq il-futur ta’ dan is-settur.
Ix-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia appella biex isir sforz kollettiv ħalli pajjiżna jibqa’ kompetittiv u li jadatta lilu nnifsu għar-realtajiet internazzjonali. “Biex nilħqu dan l-għan irridu naħdmu flimkien b’mod effiċjenti u nevitaw li naqbdu t-triq ta’ burokrazija eċċessiva”. Appella wkoll lill-awtoritajiet responsabbli mis-settur biex isibu bilanċ xieraq bejn il-ħarsien kontra l-abbuż u l-burokrazija żejda.
//= $special ?>