Internazzjonali

Iċ-Ċina: Eżerċizzji militari kbar bħala ‘theddida’ lit-Tajwan

Iċ-Ċina bdiet jumejn ta’ eżerċizzji militari madwar it-Tajwan, bil-militar qed jirreferi għalihom bħala ‘twissija u punizzjoni’ għal din il-gżira Stat minħabba l-aġir separatista tat-Tajwaniżi.

Il-Gvern komunista f’Beijing iqis lit-Tajwan – pajjiż sovran u indipendenti – bħala parti mit-territorju taċ-Ċina u dejjem insista dwar id-dritt li jieħu lura l-kontroll tal-gżira Stat bil-forza, jekk neċessarju.

L-eżerċizzji, fil-fatt, qed isiru ftit jiem biss qabel l-inawgurazzjoni ta’ William Lai bħala President tat-Tajwan – l-istess William Lai li qatt ma ddejjaq jisfida lil Beijing u li anki sejjaħ biex iċ-Ċina ma tibqax thedded l-eżistenza ta’ pajjiżu u taċċetta li t-Tajwaniżi għażlu t-triq tad-demokrazija.

It-Tajwan kompla jinsisti  li kien, għadu u se jibqa’ pajjiż distint miċ-Ċina – bil-Ministeru tad-Difiża f’Tajpej jikkundanna l-eżerċizzji attwali taċ-Ċiniżi bħala ‘provokazzjoni bla bżonn u mingħajr raġuni’.

It-Tajwan, intant, qed iħejji lill-qawwiet tal-art – l-istess bħall-qawwiet navali u tal-ajru – biex jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom f’każ li neċessarju.

Dan peress li l-eżerċizzji militari taċ-Ċina, għall-ewwel darba, qed jibbażaw fuq simulazzjoni ta’ offensiva totali – aktar milli s-soltu eżerċizzji relatati ma’ sitwazzjoni fejn Beijing jista’ jiddeċiedi biex iwaqqaf  it-trasport ta’ materjal bħall-ikel, l-armi u mezzi għall-komunikazzjoni lejn it-Tajwan.

L-istil tal-eżerċizzji taċ-Ċina anki qed jinkwieta lill-Istati Uniti li hi marbuta biex tiddefendi lit-Tajwan f’każ li l-gżira Stat tispiċċa mira għall-attakki minn xi pajjiż ostili.

L-eżerċizzji taċ-Ċiniżi qed isiru għall-ewwel darba viċin il-gżejjer ta’ Kinmen, Matsu, Wuqiu and Dongyin – ilkoll ikkontrollati mit-Tajwan u li jinsabu wkoll qrib il-kosta taċ-Ċina.

Intant, it-Tajwaniżi ilhom li rrinfurzaw ħafna mill-infrastruttura militari tagħhom madwar il-kosta lejn il-lvant tat-Tajwan – zona  li wkoll qed tinkwadra fl-eżerċizzji taċ-Ċina.

Fil-fatt, iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat bagħtet il-patrols navali u tal-ajru lejn iz-zoni ftit ‘il hinn mill-artijiet tal-lvant tat-Tajwan biex turi lill-Gvern f’Tajpej li dawn l-artijiet, issa, huma ‘esposti u vulnerabbli’ għal xi attakk militari mill-qawwiet ta’ Beijing – kollox bħala parti minn kampanja ta’ intimidazzjoni li aktar, kulma jmur, qed jirranka.