Il-Kunsillieri tal-Partit Laburista fiż-Żurrieq ivvotaw kontra mozzjoni li kienet tinkludi l-proposta biex isir referendum għat-twettieq tal-proġett tal-pjazza prinċipali tal-lokalità. Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Kyle Mifsud u Dino Bonnici ressqu din il-mozzjoni biex isir referendum biex iż-Żrieraq ukoll jesprimu x-xewqa tagħhom dwar dan, iżda din l-idea sabet reżistenza mill-Kunsillieri Laburisti.
Il-ħsieb tal-Kunsillieri Nazzjonalisti kien li minħabba li dan il-proġett se jolqot kważi lir-residenti Żrieraq kollha, kif ukoll se jbiddel b’mod sostanzjali l-pjazza prinċipali taż-Żurrieq minn kif nafuha llum, għandhom ikunu ż-Żrieraq stess li jesprimu ruħhom jekk humiex favur jew kontra dan il-proġett.
Il-mozzjoni biex isir referendum tressqet skont kif tipprovdi l-Liġi tal-Kunsilli Lokali (Kap 363).
Dak li ġara lbieraħ, waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, il-Kunsillieri Laburisti għażlu li jċaħħdu lir-residenti Żrieraq kollha milli jesprimu ruħhom fuq materja lokali daqstant importanti u li se taffettwa l-ħajja tagħhom ilkoll. Għalhekk fiċ-ċirkostanzi, filwaqt li l-Partit Laburista qed jgħid li jagħti s-saħħa lill-Maltin, fil-prattika mhux qed jagħti s-saħħa liż-Żrieraq għax ċaħduhom milli jesprimu ruħhom b’vot ħieles waqt referendum.
Ma’ din il-mozzjoni kif imressqa, qablu wkoll iż-żewġ kandidati l-oħrajn tal-Partit Nazzjonalista li qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fit-8 ta’ Ġunju, Marylyn Sammut u Angelo Schembri.
//= $special ?>