Internazzjonali

Il-Messiku: Imutu fil-kroll tal-palk waqt rally politiku

Mietu tal-anqas għaxra – fosthom tfajjel – meta krolla parti minn palk waqt rally elettorali li kien qed isir fl-Istat ta’ Nuevo Leon, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Messiku.

Inċidenti ta’ dan it-tip huma rari ħafna, bil-kroll jirriżulta anki f’aktar minn 50 midruba.

Intant, irrenja kaos sħiħ f’ħin meta Jorge Alvarez Maynez, kandidat taċ-ċentru-xellug għall-Presidenza tal-Messiku, kien qed jagħmel diskors waqt l-attività organizzata fil-belt ta’ San Pedro Garza Garcia, viċin ta’ Monterrey.

Maynez ma weġġax waqt il-kroll u wara l-inċident hu deher qed ikellem u jfarraġ lis-sostenituri tiegħu. Madankollu, mifhum li wħud min-nies li qed imexxulu l-kampanja wkoll spiċċaw fost il-midruba.

Il-kroll tal-palk jidher li seħħ b’effett tar-riħ qawwi li qam f’daqqa f’dik iz-zona – bl-istallazzjonijiet tat-dwal iċedu direttament għal fuq in-nies li kienu f’sezzjoni tal-palk partikulari.

Il-filmati li ttieħdu sekondi qabel it-traġedja – u li qed jiċċirkulaw fuq il-media soċjali – juru lil Maynez qed ixejjer lis-sostenituri minn fuq il-palk qabel hu jitlaq jiġri lejn il-kwinti biex isalva mill-istruttura waqt il-ħin tal-kroll.