Lokali

Is-sistema Labour fl-iżbarra minħabba l-korruzzjoni – L-‘ANSA’ BL-AQWA TITLU FOST MIJIET TA’ RAPPORTI FIL-MIDJA INTERNAZZJONALI…

Inkitbu mijiet – x’aktarx eluf – ta’ rapporti fil-midja internazzjonali dwar dak li qed iseħħ f’pajjiżna b’rabta mal-iskandlu tat-tliet sptarijiet u, partikolarment, dwar l-akkuzi li ħarġu fil-konfront tal-Eks PM Joseph Muscat, id-Deputat PM Chris Fearne, Konrad Mizzi, Keith Schembri u tant oħrajn.

Dawn is-sorsi tal-aħbarijiet – gazzetti, stazzjonijiet tat-TV u tar-radju, siti elettroniċi, aġenziji tal-aħbarijiet u oħrajn – kollha għażlu għal din l-item tagħhom dwar Malta, xi titlu b’konnessjoni ma’ Muscat, Fearne jew anki l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, iżda ftit li xejn kien hemm min daħal aktar fil-fond ta’ din il-ġrajja kerha u pprova janalizza t-tifsira jew is-sinifikat vera tagħha… ħlief l-ANSA, l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana.

Dan ħareġ minn rapport ta’ Victor Camilleri – Eks Editur ta’ “Il-Mument” fil-backpage tal-ġurnal “In-Nazzjon” tal-Ħamis, fejn Camilleri għamel ukoll xi żmien editur ta’ din il-gazzetta. Ir-rapport ikompoli jgħid:

B’titlu li jmur dritt fil-qalba ta’ dak li qed iseħħ f’pajjizna, iddeskriva dan kollu bħala theżżiża għal Malta, għaliex, fil-verità, li qed iseħħ hu li s-sistema Labour tinsab fl-iżbarra minħabba l-korruzzjoni.

Irridu niftakru li dan l-iskandlu partikolari kien minsuġ fuq numru ta’ snin li fihom it-tmexxija tal-pajjiż kienet kollha tal-Labour u aktar minn hekk, orkestrata minn Kastilja, l-ewwel taħt Muscat u mbagħad taħt Abela.

L-iskandlu moqżież Vitals/Steward hu xempju ta’ kif il-pajjiż kollu tmexxa fl-aħħar ħdax-il sena. Għalhekk, kif osservat tant tajjeb l-ANSA, fl-iżbarra hemm propjrament is-sistema kollha li biha l-Labour ħakem fuq pajjiżna fl-aħħar snin… fost korruzzjoni, imbrolji, rikatti u serq sfaċċat mill-Kaxxa ta’ Malta.

Dak li tabilħaqq qed jiffaċċjaw Muscat u sħabu.