Qed ikompli jippersisti s-sentiment ta’ inkwiet dwar l-għoli tal-ħajja li qed jaffettwa mhux biss lill-familji Maltin u Għawdxin iżda anke l-bejjiegħa. Dan minħabba l-fatt li n-nies qed joqogħdu iktar attenti kif jonfqu flushom.
Il-Ħamis filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien ma’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali, żaru l-monti li jarma fiż-Żurrieq – żjara li matulha Bernard Grech seta’ jisma’ d-diffikultajiet li għexieren ta’ bejjiegħa qed jaffaċċjaw.
Bernard Grech kellu ċ-ċans li mhux biss jitkellem man-nies li kienu qed jixtru fuq il-monti, iżda anke mal-bejjiegħa nfushom; kif spjega hu stess f’kummenti lil dan l-istazzjon.
Quddiem din is-sitwazzjoni, Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem għal kull Malti u Għawdxi.






Għalhekk, Bernard Grech fakkar dwar l-importanza li fit-8 ta’ Ġunju kull ċittadin joħroġ jivvota sabiex jassigura li l-lokalità tiegħu tkun immexxija minn kandidati li verament jixtiequ l-ġid tal-lokalità.
