Birkirkara St Joseph Sports Club organizzaw fis-Salina it-tielet tellieqa tagħhom Go & Fun Triathlon Series .
Fit-tiġrija fuq Distanza Olimpika, minkejja li Keith Galea ma tax l-istess prestazzjoni meta kiser ir-rekord tal-korsa fit-tellieqa preċedenti, xorta kompla s-sensiela ta’ successi. Wara li żamm vantaġġ matul it-tellieqa kollha, ħareġ mill-għawma tal-1500m minuta qabel Adam Jones, li kien segwit minn Ramon Calleja.
Fuq il-korsa tar-rota ta’ 40km, Galea irreġistra l-aħjar ħin ta’ din it-taqsima qabel ma kompla għall-ġirja ta’ 10km. Huwa rebaħ it-tellieqa b’vantaġġ komdu fuq Josef Azzopardi li kiseb it-tieni post, u Jurgen Casha, li ddebutta f’din is-serje, li spiċċa fit-tielet post.
Fil-kategorija tan-nisa, Lindsey Pirotta żammet distakk komdu fuq Daphne Gatt u Miriam Borg Saydon. Gatt li ddebuttat fis-sensiela, irreġistrat l-aħjar ħin fit-taqsima fil-ġiri fejn spiċċat fit-tieni post qabel Miriam Borg Saydon li ritornat fiċ-ċirkwit tat-tlielaq lokali.
Kai Azzopardi kompla s-sensiela ta’ rebħiet tiegħu fit-tiġrija tal-isprint triathlon. Fl-għawma ta’ 750metru, kien segwit minn Ryan Muscat u Bernard Farrugia. Fl- 20km tar-rota, Azzopardi żamm il-vantaġġ, minkejja li Roberto Briffa u Christian Anastasi bl-aktar bike splits tal-ġurnata. Azzopardi fil-ġirja ta’ 5km temm qabel Ryan Muscat u Roberto Briffa. Maya Schembri Rodgers temmet qabel Pia Grech u Keira Attard.
Fit-taqsima tar-relay, it-tim magħmul minn Roanna Farrugia u Max Bessonn spiċċa fl-ewwel post.
Il-midalji lir-rebbieħa kienu ppreżentati mid-delegati ta’ Triathlon Europe – Luis Coira Nieto, Delegat Tekniku, u Alicia Garcia – Teżorier, li kienu Malta biex jirrappurtaw dwar it-tellieqa minħabba l-avvenimenti internazzjonali li ser jsiru lokalment f’Settembru.