Lokali

Il-Partit Nazzjonalista konsistenti u favur li l-bajja ta’ Marsaskala tibqa’ titgawda min-nies – PN

Il-Gvern Laburista jabbuża kontinwament mill-policies tal-iżvilupp fl-inħawi kollha ta’ Malta u Għawdex

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess għal strateġija marittima nazzjonali ħolistika, biex nassiguraw it-tkabbir ta’ dan is-settur ekonomiku importanti id f’id mal-ambjent, fid-dawl ta’ dawn l-abbużi tal-Gvern, m’hemmx triq oħra ħlief li tkun irtirata l-policy sussidjarja relatata mall-possibbiltà ta’ Yacht Marina f’Marsaskala għall-ġid tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Dan ħareg fi stqarrijja maħruġa mil-Partit Nazzjonalista, f’isem ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit; Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg; u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo; kif ukoll mill-Kumitat Sezzjonali PN Marsaskala u l-kunsillieri u kandidati lokali tal-PN għal Marsaskala.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien konsistentament favur li l-bajja tibqa’ titgawda mill-pubbliku mingħajr ma’ titnaqqar, tant li l-kunsillieri lokali tiegħu, f’kull okkażjoni, saħqu li ma jkunx hemm żvilupp ta’ marina f’Marsaskala u, li jekk ikun meħtieġ, il-policy għandha titneħħa għal din il-bajja pittoreska.

Bl-istess mod, il-Partit Nazzjonalista kien ukoll konsistenti rigward il-binja ta’ dik li kienet il-Pixxina Nazzjonali. Din il-pixxina kienet ingħatat mill-Gvern Nazzjonalista lil Marsaskala Aquatic Club u kien il-Gvern Laburista li ħadielhom biex taha lill-ispekulatur Sadeen biex jużaha bħala parti mill-kumpless tal-AUM. Il-Partit Nazzjonalista kien ivvota kontra l-konċessjoni lil Sadeen f’waħda mill-itwal seduti parlamentari.

Hawn ukoll, il-Partit Nazzjonalista qed jingħata raġun, saħansitra mill-Gvern Laburista, li qed jagħti lura lill-istess klabb il-pixxina li kien ħadilhom hu stess. Aktar minhekk, il-Gvern għandu joffri kull għajnuna possibbli biex din il-pixxina tkun attrezzata għaż-żminijiet tal-lum wara li tħalliet żdingata għal tmien snin.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-irtirar tal-policy relatat mal-yacht marina f’Marsaskala, li l-Gvern Laburista ried jabbuża minnha, kif ukoll għall-għoti lura tal-pixxina, li l-Gvern ried jagħti għall-ispekulazzjoni.