“Cuschieri juri rispett u mhux iħallih waħdu fi żmien ta’ prova”
Grazzi lil Emanuel Cuschieri li juri rispett għal kull individwu li ħadem għall-Partit… u mhux iħallih waħdu fi żmien ta’ prova.
Kliem Michelle Muscat, il-mara tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, li f’messaġġ fuq il-grupp ta’ Facebook irringrazzjat lil Cuschieri u ħeġġet lin-nies sabiex it-Tlieta filgħodu jingħaqdu quddiem il-binja tal-Qorti f’solidarjetà mar-raġel tagħha Joseph – hekk kif fost oħrajn qed jiġi akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus.
Muscat sostniet li l-fatt li Cuschieri stieden lin-nies miegħu sabiex jinġabru quddiem il-Qorti b’mod seren hija xi ħaġa sabiħa, u sejħitilha bħala vera għaqda.
Ma’ Cuschieri, anke nies bħal Jason Micallef u Charlon Gouder qed jimbotta lin-nies biex ikunu preżenti.
Mhux magħruf jekk dawn l-istess nies hux se jorganizzaw dimostrazzjoni anke l-għada, meta jitressqu Chris Fearne, Edward Scicluna u oħrajn.

Id-diskors ta’ Michelle Muscat li jistona ma’ dak li lissen Joseph Muscat stess, fejn minflok qal lin-nies imorru għax-xogħol.
Fl-istess għodwa Robert Abela stqarr li jinsab inkwetat u mħasseb u insista li din l-attività mhux qed issir f’isem il-Partit Laburista jew minn xi nies minn tiegħu. Iżda kif qallu l-Kap tal-PN Bernard Grech ilbieraħ f’Santa Venera, Abela xorta mhux isib saħħa biex jgħid lin-nies b’mod ċar biex ma jmorrux.

F’messaġġ ta’ apprezzament minn naħa ta’ Emanuel Cuschieri, hu rringrazzja lil Michelle Muscat – li ċertament urietu aktar sostenn mill-Mexxej Laburista Robert Abela li qed jipprova jiddistakka ruħu minn din il-protesta. Għalkemm fl-ebda mument – b’mod ċar u dirett –- ma appella lin-nies biex ma jmorrux.
B’hekk, jidher ċar li fi ħdan il-Partit Laburista hemm qasma ċara, qasma li Robert Abela u dawk l-aktar qribu ma jistgħux jikkontrollaw – bit-tsunami li semma’ Muscat jidher li beda miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.