Lokali Qorti

Ordnata tgħaddi kumpens ta’ aktar minn €4,000 lil anzjana wara li tajritha f’Raħal Ġdid

Sewwieqa mara kienet ordnata mill-Imħallef Toni Abela biex tagħti kumpens ta’ €4,356 lil anzjana vittma talli tajritha waqt li kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing f’Raħal Ġdid.

Janet Leslie Kitcher, ta’ 73 sena, fetħet proċeduri fil-Qorti kontra Mary Caruana fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn żammitha responsabbli għall-ġrieħi li ġarrbet fit-23 ta’ Diċembru 2019, fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.

Kitcher qalet li kienet qed taqsam iż-zebra crossing ma’ żewġha meta Caruana laqtithom u spjegat kif id-dawl ta’ kulur oranġjo ma kienx qed jaħdem minħabba qtugħ fl-elettriku. Caruana, iżda, ikkontestat l-argument u ma qablitx ma’ din il-verżjoni.

L-Imħallef Abela, wara li sema’ l-provi qal li bħala stat ta’ fatt irriżulta li l-vittma kienet qed taqsam ma’ żewġha fuq zebra crossing meta seħħ l-inċident. Qal li għalkemm id-dawl oranġjo ma kienx qed jaħdem, l-inċident seħħ filgħodu u semma’ kif wara li x-xufiera waqfet għax rat raġel li ma kienx ċert li se jaqsam bdiet issuq u ma nnutatx li l-koppja kienet qed taqsam.

L-Imħallef Abela kkonkluda li Caruana naqset li żżomm l-attenzjoni meħtieġa mis-sewwieqa u għalhekk żammha responsabbli tal-inċident fejn meta ġie biex jagħti l-kumpens qies li l-vittma sofra diżabbilità permanenti ta’ 8%.