Lokali Qorti

Protest mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex l-AĠ tgħaddilu kopja tal-Inkjesta Vitals fl-interess tal-poplu

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed iżomm lill-Avukat Ġenerali responsabbli ta’ għemilha għax minkejja li għaddew aktar minn ġimagħtejn minn mindu bagħtilha ittra biex ikollu kopja sħiħa tal-Inkjesta Vitals, lanqas biss irrispondiet dwar din it-talba.

Fi protest ġudizzjarju kontra l-AĠ li ġie ppreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan kollu qed iseħħ minkejja l-importanza u l-gravità ta’ din l-Inkjesta.

Tenna wkoll li peress li din l-Inkjesta Maġisterjali tqanqal kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, b’dannu għas-salvagwardja tal-Istat, qiegħed għalhekk iħeġġeġ lill-Avukat Ġenerali biex tgħaddilu kopja kif ukoll li minn jeddha tippublikaha permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni kif  hija għamlet f’okkażjonijiet oħrajn.

Il-protest jgħid li jekk il-kopja tar-rapport tal-Inkjesta Magisterjali ma jintbgħatx kif jirriżulta li għandu wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, qed iżomm lill-AĠ minn issa responsabbli għad-danni kollha preżenti u futuri sofferti, u dan talli naqset milli taġixxi kif obbligata tagħmel skont il-Liġi fl-interess tad-demokrazija u tal-ugwaljanza bejn il-poteri tal-Kap tal-Gvern u l-poterti tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fin-nuqqas ta’ dan Bernard Grech qal li ma jkollux triq oħra ħlief li jżomm lill-AĠ personalment responsabbli għan-nuqqas tagħha  u dan mingħajr preġudizzju għal kull dritt ieħor li tagħti l-liġi biex jaġixxi għall-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi minħabba n-nuqqas tal-AĠ li qed jikkreaw żbilanc demokratiku inaċċettabbli f’soċjetà li tirrispetta l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-Kap tal-Gvern u dawk tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-poteri kostituzzjonali minnhom eżerċitati.

Il-protest jgħid li l-AĠ kienet sodisfatta bir-riżultanzi tal-istess inkjesta u bl-investigazzjonijiet magħmula mill-istess Maġistrat Inkwerenti. Tant  hu hekk illi ma bagħtithix lura għandha u fi żmien 24 siegħa fejn ġie preżentat rikors lill-Qorti Kriminali fejn din kienet mitlubha biex jinħarġu l-attachment and investigation orders skont tal-ligi kontra l-qarrieqa li hemm akkużati f’dik l-inkjesta.

Ingħad ukoll li l-Qorti tal-Appell, fit-23 ta’ Ottubru 2023 fil-kawża Dr. Adrian Delia kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat et, kienet sabet li l-ogħla uffiċjali fil-Gvern Malti aġixxew f’kollużjoni u dolożament ma’ Vitals u Steward u enfasizzat kif dawn l-istess uffiċjali suppost kellhom id-dmir li jħarsu l-interessi tal-pajjiż.

Minflok dawn ħarsu dawk l-interessi, taw estensjoni wara oħra ta’ żmien biex ma joħroġx fil-beraħ li l-ftehim kien biss faċċata flok “the real deal” u komplew iħallsu miljuni ta’ ewro lis-soċjetajiet għalkemm dawn ma kinux qegħdin iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom.

Il-protest jgħid ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela għamel diversi stqarrijiet u kummenti pubbliċi li jindikaw b’mod ċar u inekwivoku li huwa ġie mogħti aċċess għar-rapport tal-Inkjesta Magisterjali li jinsab fil-pussess tal-AĠ.

Il-Prim Ministru wkoll ikkummenta b’referenza għal x’fih ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali fid-diversi partijiet tiegħu, u ta’ kif xi ħadd jissemmix li se jitressaq il-Qorti, iżda f’Inkjesta sħiħa ma jissemma’ qatt jew kważi qatt.

Din is-sitwazzjoni ma tikkreax bilanċ f’demokrazija Ewropea stante li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiġi mċaħħad mill-għodda meħtieġa biex jaqdi r-rwol kostituzzjonali tiegħu ta’ kontroll fuq l-Eżekuttiv u qed joħloq żbilanc politiku serju favur il-Gvern u l-Partit Laburista b’detriment għall-Oppożizzjoni u għall-Partit Nazzjonalista u għad-dritt tac-ċittadini li jkunu jafu kif u x’wassal biex l-ogħla uffiċjali fil-Gvern Malti ffrodawhom u misapproprjaw ħwejjiġhom tant li huma wkoll akkużati b’ħasil ta’ flus.

Il-protest jgħid ukoll li b’ittra tas-6 ta’ Mejju 2024, il-Kap tal-Oppożizzjoni kiteb lill-AĠ biex tgħaddilu kopja tar-rapport tal-Inkjesta fl-intier tagħha li diġà kienet mgħoddija lill-Prim Ministru u lill-membri tal-kabinett tal-ministri.

“Minkejja li għaddew aktar minn ġimagħtejn minn mindu intbagħtitlek din l-ittra, inti għadek sal-lum la rrispondejt għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni u wisq anqas ipprovdejt kopja tar-rapport tal-Inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni u dan minkejja l-importanza u l-gravità ta’ din l-Inkjesta.

Il-protest kien iffirmat mill-Avukat  Edward DeBono u l-Prokoratur Legali Adriana Buhagiar.