Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal raġel li ħaraq il-karozza ta’ gwardjan tal-ħabs

Raġel li ħaraq karozza ta’ gwardjan tal-ħabs f’Ħal Qormi f’Jannar 2021, intbagħat ħames snin ħabs wara li nstab ħati tad-delitt. Tony Zammit, ta’ 45 sena residenti Ħal Qormi, instab ħati li fis-sigħat bikrin tal-25 ta’ Jannar, qabbad Toyota Platz ipparkjata, fi Triq San Edwardu.

Il-karozza kienet ta’ gwardjan li dak iż-żmien kien jaħdem f’Diviżjoni 5 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Opel Astra blu pparkjata quddiem il-karozza li kienet qed tinħaraq ukoll ġarrbet ħsarat estensivi. Zammit instab ħati wkoll li weġġa’ surġent tal-pulizija meta saq b’veloċità bil-karozza tiegħu wara li kien talab lill-uffiċjali biex jieħu xi ħaġa mill-karozza tiegħu waqt l-arrest tiegħu.

Is-surġent spiċċa tkaxkar għal distanza konsiderevoli qabel ma kellu jċedi u spiċċa waqa’ mal-art hekk kif kien iggranfat mal-karozza. Huwa nstab ħati wkoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li għamel ħsara fl-uniformi tas-surġent.

Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ kif Zammit ġie identifikat minn investigaturi mill-Major Crimes Unit u mill-pulizija tad-distrett waqt li kienu qed jiċċekkjaw filmati tas-CCTV. Huma raw persuna liebsa hoodie, maskra tal-wiċċ, qalziet tat-tracksuit b’żewġ linji bojod tul il-keffa, u żraben sportivi b’qiegħ bojod. Wiċċ il-persuna kien miksi bil-hoodie u l-maskra, u b’hekk ma kienx rikonoxxibbli.

Peress li l-pulizija kienu jafu lil Zammit minn każi preċedenti, issuspettaw li kien hu, għalhekk inħareġ mandat ta’ arrest u nżamm arrestat meta mar jiffirma l-bail book tiegħu fl-għassa aktar minn ġimagħtejn wara.

Waqt tfittxija fid-dar tiegħu, il-pulizija sabu par qliezet tat-tracksuit u żraben simili ħafna għal dawk li ntlibes mill-persuna fil-filmati tas-CCTV. Huwa ġie identifikat ukoll permezz tal-karozza li kien qed isuq fil-lejl tal-ħruq. Għalkemm il-karozza kienet reġistrata f’isem ħuh, ħutu qal lill-pulizija li Zammit kien qed juża l-karozza peress li kellu jeħodha għand il-mekkanik.

F’rapport ta’ qabel is-sentenza, il-Qorti spjegat il-passat imqalleb ta’ Zammit, kif ukoll dwar il-vizzju tad-droga u li jinsab il-ħabs għal abbuż tad-droga. Huwa kellu biss 15-il sena meta spiċċa l-ewwel darba l-ħabs. Għalkemm qatta’ ftit snin ‘il bogħod mill-vizzju, reġa’ beda jabbuża mid-droga.

Waqt li kien il-ħabs, irnexxielu joqgħod ‘il bogħod mid-droga u ħadem bħala furnar fil-forn tal-faċilità. Madankollu, fil-mument li nħeles, huwa waqa’ “għad-drawwa li ħarbitlu ħajtu”. L-uffiċjal tal-probation irrakkomanda li jingħata trattament għall-abbuż tad-droga b’mod eżawrjenti u f’ambjent ikkontrollat.

Il-Maġistrat Caruana ddeċieda li, apparti l-piena ta’ ħames snin ħabs għad-delitt li wettaq, il-Qorti tittama li l-ordni ta’ trattament tgħinu jegħleb il-vizzju tad-droga.

L-ispetturi tal-Pulizija Wayne Camilleri u Kevin Pulis mexxew il-prosekizzjoni. L-Avukat Mario Mifsud deher bħala parte civile.