Raġel li seraq żewġ midalji tad-deheb b’valur ta’ €400,000 mill-Mużew Marittimu fil-Birgu, ġie kkundannat seba’ snin ħabs, fosthom sentejn talli kiser il-libertà proviżorja. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ordnat ukoll li jiġu kkonfiskati €20,000 miżmuma għal meta kien ingħata l-pleġġ.
Justin Mallia ta’ 25 Bormla, kien arrestat f’Marzu, sigħat wara li ż-żewġ midalji rari ħafna tas-seklu 19 kienu għosfru mill-mużew. Huwa kien ilu biss għal ftit jiem barra bil-libertà proviżorja u kien identifikat b’mod ċar fuq filmati tas-CCTV.
Il-Pulizija qalet li rnexxielu jidħol fil-mużew billi jippoża bħala uffiċjal tal-edukazzjoni li jwassal dokumenti waqt li kien qed isir avveniment għat-tfal tal-iskola. Skont Heritage Malta, il-midalji jew muniti ngħataw bejn l-1800 u l-1801 lil mexxejja u membri distinti tal-battaljuni tal-Kungress Nazzjonali li ġġieldu biex jeħilsu lil Malta mill-ħakma Franċiża.
Is-suspettat ħalliel inqabad fi ftit sigħat u arrestat fid-dar tiegħu. Huwa ta borża li kien fiha l-midalji misruqa meta l-Pulizija ħabbtu biebu. Meta mistoqsi, huwa qal lill-uffiċjali li kien seraq il-midalji biex iħallas xi djun pendenti.
Fid-19 ta’ Marzu, Mallia kien mixli b’serq aggravat, b’pussess illegali tal-midalji li kienu proprjetà tal-gvern, kif ukoll li ffroda lill-Mużew Marittimu. Huwa ġie mixli wkoll li kiser tliet digrieti preċedenti dwar il-pleġġ. Mallia fil-bidu wieġeb li mhux ħati u nżamm arrestat.
L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Paul Camilleri qal lill-Qorti li l-midalji kienu sofrew “ħsara irreversibbli” minħabba li ħakkew ma’ oġġetti oħra ġewwa l-borża fejn tpoġġew minn Mallia. Mallia biddel il-verżjoni tiegħu u rreġistra ammissjoni.