Il-Partit Konservattiv fil-Gvern u l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni bdew il-kampanji elettorali rispettivi proprju llum – l-għada li l-Prim Ministru u Kap tat-Tories, Rishi Sunak, sejjaħ l-elezzjoni ġenerali bikrija għall-4 ta’ Lulju.
Min-naħa tiegħu, Sunak qed ifakkar lill-poplu fit-‘track record’ tal-Gvern tiegħu li rnexxielu jkattar ix-xogħol fost l-investimenti ta’ snin fl-ekonomija, l-edukazzjoni u s-settur tas-saħħa.
Fil-fatt, il-Prim Ministru, waqt diskors f’Derbyshire, enfasizza li r-Renju Unit irritorna għall-istabbilità ekonomika – bl-inflazzjoni tonqos sew grazzi għall-politika implimentata mill-Gvern tiegħu fl-aħħar xhur.
Il-politika għar-ripatrijazzjoni tal-immigranti illegali li qed jaqsmu lejn ir-Renju Unit mill-Kanal lngliż ukoll qed tinkwadra f’din il-kampanja. Dan meta Sunak qed iwiegħed li t-titjiriet bl-immigranti lejn ir-Rwanda m’għandhomx jibdew minn qabel id-data tal-elezzjoni – b’ħafna osservaturi jemmnu li l-immigrazzjoni, x’aktarx, se tkun l-issue kruċjali għall-elettorat.
Min-naħa tiegħu, Keir Starmer qal li l-pajjiż jeħtieġ bidla ta’ direzzjoni u li jaqleb il-paġna biex itemm dak li hu fisser bħala ‘sitwazzjonijiet ta’ kaos’ fir-Renju Unit.
Dan waqt li Daisy Cooper, il-Viċi-Kap tal-Liberali Demokratiċi, warrbet kull possibbiltà ta’ ftehim politiku għal Gvern ta’ koalizzjoni mal-Partit Konservattiv f’każ li t-Tories jirbħu l-elezzjoni mingħajr maġġoranza ta’ voti – u bħalma kien seħħ għal ħames snin wara l-elezzjoni ġenerali tal-2010.
Intant, il-kandidat radikali Nigel Farage – fost il-protagonisti li snin ilu stinkaw għall-proċess ta’ Brexit (it-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea) ikkonferma li mhux se jikkuntesta l-elezzjoni ta’ Lulju. Madankollu, hu xorta se jkun attiv bħala sostenitur tal-kampanja tal-partit populista tal-lemin bl-isem Reform UK – b’Farage qed jaġixxi wkoll bħala President Onorarju ta’ dan il-partit.
//= $special ?>