Lokali

Robert Abela jgħid li s-sejħa għan-nies quddiem il-Qorti mhux issir f’isem il-Labour

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa mħasseb ferm dwar nhar it-Tlieta filgħodu hekk kif huwa mill-aktar ċar li tilef il-kontroll ta’ faxxa fi ħdan il-Partit Laburista li qed isejħu l-miġemgħa biex jinġabru quddiem il-Qorti. Dan hekk kif se jkun qed jitressaq fost oħrajn il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Il-Ħamis filgħodu Abela stqarr mal-ġurnalisti li jinsab inkwetat dwar din il-protesta… li jaf toħloq tensjoni serja.

Meta l-ġurnalisti staqsewh jistax jaqbad u jordna lill-partitarji Laburisti biex ma jattendux, huwa kien ferm skomdu biex iwieġeb.

Madanakollu Abela qabel ma’ Joseph Muscat meta dan tal-aħħar talab lin-nies biex jibqgħu d-dar.

Iżda wara din id-dikjarazzjoni, Net News staqsa kif il-protesta se tkun qed issir xorta, minkejja li ma jaqbilx magħha… b’Abela surrealment ifarfarha fuq il-Partit Nazzjonalista.

Iffaċċjat b’din il-kontradizzjoni assoluta, Abela wera biċ-ċar li fi ħdan il-Partit Laburista hemm qasma evidenti, hekk kif sostna li din is-sejħa mhux ġejja mil-Labour.

Dgħajjef quddiem dak li se jiġri jew x’jista’ jiġri t-Tlieta filgħodu fil-Belt Valletta – Abela xeħet dubji dwar jekk effittivament se jinġabru l-partitarji quddiem il-Qorti – bi sfida diretta fil-konfront ta’ dawk fi ħdan il-Labour li qed jinjoraw l-appelli tiegħu; fosthom Manuel Cuschieri, Charlon Gouder, Jason Micallef u oħrajn.

Minkejja s-sejħa biex il-Laburisti jinġabru quddiem il-Qorti għal Joseph Muscat – Abela surrealment qal li l-inkjesta m’għandix tiġi diskussa fil-pjazza quddiem il-Qorti.

Intant, filwaqt li Abela u sħabu ħarġu għonqhom kemm-il darba għal Muscat, Fearne u Scicluna… jidher li l-Labour abbanduna għalkollox lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dan minkejja s-snin ta’ fiduċja mgħotija lilhom mill-Partit Laburista.