Internazzjonali Lokali

Marzia Calleja Maatouk maħsuba mejta u żewġha ġie arrestat fil-Libja

Ritratti: Europol

Kollox qed jindika li Marzia Calleja Maatouk ta’ 24 sena, instabet mejta fil-Libja hekk kif żewġha Jomic Calleja Maatouk ta’ 38 sena, ġie arrestat minn truppi Libjani – xhur wara li l-koppja spiċċat fil-lista tal-aktar persuni imfittxija fl-Ewropa.

Ritratt: Europol

Jomic ġie arrestat minn truppi Libjani l-Ħamis filgħaxija bl-awtoritajiet jgħidu li martu nstabet mejta.

Rapporti qalu li l-Erbgħa filgħodu l-koppja dehret madwar 90 minuta ‘l bogħod minn Tripli bl-awtoritajiet Libjani ġew infurmati minnufih. Mal-wasla tagħhom fuq il-post, huma sabu katavru li jaqbel mad-deskrizzjoni ta’ Marzia. Jomic instab wara tfittxija li saret fiz-zona.

Issa mistennija li ssir awtopsja fuq il-katavru sabiex ikun ikkonfermat l-identità u l-kawża tal-mewt.

Għaldaqstant, Jomic Calleja Maatouk mistenni li jiġi estradit lejn Malta.

Il-koppja sparixxiet f’Awwissu li għadda u kien maħsub li marru lejn is-Serbja – għalkemm ma kien hemm l-ebda rapport li l-koppja telqet minn Malta b’ajruplan jew bil-baħar.

Possibbiltà oħra kienet li l-koppja qasmet lejn Sqallija bil-baħar u saqu mill-Italja lejn pajjiż ieħor Ewropew.

Ftit taż-żmien wara li l-koppja sparixxiet; il-qraba ta’ Marzia Maatouk stqarrew li kienu inkwetati ħafna dwar is-sigurtà tagħha wara li kienu sabu taqlib sħiħ fir-residenza tal-koppja.

Fil-passat, Marzia Maatouk kienet ġiet ikkundannata 15-il xahar ħabs wara li nqabdet b’pussess ta’ droga. Dan il-każ imur lura għal Awwissu tal-2019 meta hi kellha 19-il sena.

Minn naħa tiegħu, Jomic Calleja Maatouk kien instab ħati li pprova jdaħħal splussiv f’pajjiżna u jixtri l-valenu mid-darkweb.