Internazzjonali

Gaza: Jinstabu aktar katavri tal-ostaġġi fost l-avvanz tal-Iżraeljani f’Jabalia

It-Tmexxija ta’ Iżrael qalet li l-grupp  Ħamas, filwaqt li qed jinnegozja għal waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza, qiegħed, bil-mod il-mod, jelimina lill-ostaġġi Iżraeljani li nħatfu waqt ir-rejds tas-7 ta’ Ottubru mit-terroristi Palestinjani fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Dan wara li, fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani rkupraw il-katavri ta’ tlett ostaġġi oħra li kienu ilhom ix-xhur miżmuma mill-Ħamas.

Intant, it-tlett vittmi kienu kollha identifikati bħala ċittadini Lhud bl-isem  Hanan Yablonka, Michel Nisenbaum u Orion Hernandez.

Il-katavri kienu rkuprati mill-belt ta’ Jabalia lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza u wara li l-militar Iżraeljan kompla għaddej bl-inkursjonijiet fl-inħawi fejn għad hemm il-bejtiet tat-terroristi.

Is-sejba makabra, fil-fatt, kellha ssir waqt missjoni konġunta bejn il-militar u l-aġenzija domestika Iżraeljana tas-servizzi sigrieti – bil-konferma tal-katavri tingħata ġimgħa wara li t-truppi kienu sabu l-katavri ta’ jerġa’ aktar ostaġġi Iżraeljani li kienu miżmumin f’Gaza.

L-aħħar katavri rkuprati kienu kollha ta’ nies imniżżlin fil-lista ta’ madwar 300 ostaġġ li spiċċaw f’idejn il-Ħamas fil-jum l-iswed tas-7 ta’ Ottubru …Jum li fih it-terroristi Palestinjani anki massakraw ‘il fuq minn 1,200 Iżraeljani, fil-parti kbira familji u tfal.

Iżrael, illum. qed jikkalkula li fadal talanqas 130 ostaġġ f’Gaza, bil-pressjoni qed tikber fuq il-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu biex ma jintilifx aktar żmien għal ftehim bejn in-naħat involuti fil-gwerra u li kapaċi jaċċerta l-ħelsien tal-ostaġġi li fadal.

Madankollu, il-Gvern ta’ Netanyahu qal li l-Ħamas qed imexxi ‘l-esekuzzjonijiet tal-ostaġġi b’id waħda filwaqt li, bl-id oħra, qed jinnegozja għal waqfien mill-ġlied fit-tul potenzjali’.

Min-naħa tiegħu, Netanyahu qal li pajjiżu għandu l-obbligu – mhux biss bħala impenn nazzjonali iżda anki minn lat morali – biex iwassal għall-ħelsien tal-ostaġġi filwaqt li jagħmel minn kollox biex jelimina t-theddida tat-terrur għall-Iżraeljani minn Gaza.

Hu qal li l-Iżraeljani huma wkoll konxji li għad jista’ hemm numru mhux  determinat ta’ ostaġġi mejtin f’idejn il-Ħamas u li fil-jiem li ġejjin kapaċi jinstabu aktar katavri mis-suldati Iżraeljani f’Gaza.