Elezzjonijiet 2024 Lokali Qorti

Il-frodi elettorali fis-Siġġiewi: Il-PN jirbaħ id-99 rikors

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li f'dan il-każ ta' frodi elettorali tintrefa' responsabbiltà politika

Fil-każ tal-frodi elettorali fis-Siġġiewi, il-PN dalgħodu rebaħ id-99 rikors li ressaq wara li numru ta’ karti ta’ identità kienu inqalbu fuq blokka appartamenti li ma kinitx lesta u li fiha ma kien joqgħod ħadd.

Fil-kawża li fetaħ il-PN instemgħu diversi xhieda fosthom votant li xehed fil-Qorti li meta lanqas biss kien infurmat li ngħata residenza mill-‘housing’, intalab imur fuq il-post fil-Binja Silvio Parnis fis-Siġġiewi minn rappreżentant tal-Awtorità tad-Djar.

Hemmhekk stess intalab minn rappreżentant tal-Aġenzija Identità biex jiffirma żewġ applikazzjonijiet għall-bdil tal-karta tal-identità. Mix-xhieda tiegħu ħareġ li din l-applikazzjoni kienet iġġib id-data tat-12 ta’ April 2024 u l-firma tax-xhud hi l-istess firma tiegħu fuq l-applikazzjoni għall-bdil tal-indirizz fuq ir-Reġistru Elettorali, li wkoll issir permezz tal-Aġenzija Identità. Dan meta l-elettur kien għadu lanqas ġie infurmat li se jingħata post. Huwa sar jaf li kien se jieħu post tal-housing 16-il-ġurnata wara.

Meta ġew konklużi kollha u ngħatat deċiżjoni, il-Partit Nazzjonalista rebaħ ir-rikorsi kollha, 99 b’kollox, dwar il-frodi elettorali organizzat mill-Ministeru ta’ Roderick Galdes. Il-każijiet instemgħu u ġew deċiżi minn 22 Maġistrat matul l-aħħar tliet ġimgħat.

Għalhekk il-persuni kollha li ġew irreġistrati b’mod illegali u b’abbuż fuq il-binja tal-housing fis-Siġġiewi mhux se jibqgħu rreġistrati fuq dan il-post iżda se jibqgħu reġistrati u se jivvutaw fil-lokalitajiet fejn għadhom jgħixu.

Il-kummenti ta’ Bernard Grech

Il-Kap tal-PN qal li dan il-każ juri li l-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku tarka għalik favur id-demokrazija.

Wara ġimgħat ta’ seduti, quddiem 22 Maġistrat differenti, il-Partit Nazzjonalista rebaħ ir-rikorsi kollha li għamel kontra frodi elettorali li pprova jwettaq il-Gvern Laburista biex jipprova jisraq il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li f’dan il-każ ta’ frodi elettorali, tintrefa’ responsabbilta’ politika.

Id-99 rikors saru permezz tas-Segretarju Ġenerali tall-PN Michael Piccinino, li fihom allega u ngħata raġun li l-Gvern biddel l-indirizzi ta’ dawn il-persuni sabiex jassigura li fl-elezzjoni ta’ Ġunju, is-Siġġiewi jżomm il-maġġoranza Laburista.

F’dan ir-rikors, il-PN bl-ebda mod ma jrid li d-99 elettur ma jivvutawx, imma li jivvutaw fejn jabitaw fil-pre’żent. Il-każ tal-elettur li ġie mġiegħel ibiddel il-kara tal-identità tiegħu, kien wieħed mid-99 elettur li ġie ngannat mill-awtoritajiet.

Diversi persuni li kienu reġistrati fuq binja soċjali tal-Gvern fis-Siġġiewi li għadha mhux abitabbli jridu jivvutaw fl-indirizz tagħhom ta’ fejn għadhom joqogħdu sa issa. Fil-każ tal-elettur li kien imġiegħel jibdel il-karta tal-identità qabel ma biss kien konxju li kien se jingħata residenza, il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li dan kollu jikkonvinċiha li l-elettur kien ġie żgwidat biex jiffirma żewġ applikazzjonijiet fuq il-post fit-12 ta’ April 2024.

Iżda mhux hekk biss, l-l-elettur xehed ukoll li kien biss fit-28 ta’ April tal-2024, 16-il ġurnata wara li sar jaf li kien se jiġi allokat flat fi Triq Dun Manwel Zammit, is-Siġġiewi. Dan jista’ jfisser biss li meta ffirma l-applikazzjoni għall-bdil tal-indirizz fil-karta tal-identità tiegħu, kif ukoll meta ffirma d-dikjarazzjoni fil-formola “Form ID 13”, huwa lanqas kien jaf li kien ser jiġi allokat il-flat.

Dan il-fatt li jqajjem suspett qawwi, mhux biss li l-elettur ġie sfurzat jiffirma applikazzjonijiet li lanqas hu stess ma kien jaf x’dettallji se jiżdiedu fihom, iżda wkoll ta’ aġir illegali min-naħa ta’ rappreżentant tal-Aġenzija Identità li mela u ffirma bħala xhud fuq applikazzjonijiet li fihom dettallji foloz.

Iktar minn hekk, mix-xhieda ta’ Reuben Bonnici, rappreżentant ta’ ARMS Limited, jirriżulta li s-servizz tal-ilma u dawl fil-fond ġie istallat biss fis-6 ta’ Mejju 2024 u fid-9 ta’ Mejju 2024, rispettivament, ferm wara t-12 ta’ April 2024 meta l-elettur issottometta lill-Kummissjoni Elettorali l-applikazzjoni għall-bdil tal-indirizz tiegħu kif indikat fir-Reġistru Elettorali u ssottometta wkoll fl-istess data lill-Aġenzija Identità.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li ma tistax ma tikkummentax dwar l-effiċjenza mhux realistika ta’ ARMS Limited fl-istallazzjoni tal-arloġġi għall-provvista tad-dawl u ilma fil-fond fis-6 ta’ Mejju 2024 u fid-9 ta’ Mejju 2024, meta l-applikazzjoni għall-provvista ġiet ipproċessata u approvata biss ftit ġranet qabel, fit-2 ta’ Mejju.

Qalet ukoll li ħeffa bħal din fil-provviżjoni ta’ servizz pubbliku ma tistax ma tqajjimx dubju dwar il-mottiv reali wara l-applikazzjoni għall-bdil tal-indikazzjoni tal-indirizz tar-residenza tal-elettur, bdil li meta sar, ċioè fit-12 ta’ April 2024, ma sarx għal raġunijiet validi għall-finijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u l-Att dwar il-Karta tal-Identità u Dokumenti oħrajn tal-Identità.

Dan għaliex l-elettur la kien għad kellu titolu jew aċċess għall-fond, liema fond kien għadu wkoll dak iż-żmien mingħajr servizz ta’ dawn u ilma. Minn dan kollu joħroġ li l-indirizz 531, Binja Silvio Parnis, Triq Dun Manwel Żammit, Siġġiewi, li huwa indikat maġenb isem l-elettur u n-numru tad-dokument tal-identifikazzjoni tiegħu fir-Reġistru Elettorali, ma jista’ qatt jissodisfa l-ħtiġijiet skont il-liġi bħala l-post fejn hu s-soltu jabita.

Għaldaqstant, qalet l-Uffiċjal Reviżur, għandu raġun l-applikant li l-indirizz imsemmi mhuwiex muri b’mod korrett fir-Reġistru Elettorali skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, wara li rat li r-raguni mogħtija mill-PN għall-korrezzjoni tal-indirizz li jidher fuq ir-Registru Elettorali ppubblikati fl-20 ta’ April 2024, hi waħda valida fil-ligi għaliex jirriżulta li l-indirizz mhuwiex reġistrat b’mod korrett.

Għaldaqstant il-Maġistrat Montebello qalet li qed tilqa’ t-talba ta’ Michael Piccinino u tordna l-korrezzjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, ir-Reġsitru Elettorali għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-Reġistru Elettorali għall-Elezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ippubblikati fl-20 ta’ April 2024.

Dan billi jiġi mħassar l-indirizz Flat 531, Binja Silvio Parnis, Triq Dun Manwel Zammit, is-Siġġiewi bħala l-indirizz tal-elettur u jiġi sostitwit bl-indirizz tal-post fejn is-soltu jabita, jiġifieri 120, Triq Blat il-Qamar, Siġġiewi.

L-Avukati Karol Aquilina u Joseph Grech dehru għan-nom tas-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Jirriżulta li aktar minn 70 fil-mija tal-eletturi li ngħataw akkomodazzjoni soċjali fil-binja Silvio Parnis, ġejjin mid-Distrett tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, li huwa responsabbli għal dawn il-binjiet soċjali madwar il-pajjiż,