Il-ħames kandidati għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, ingħaqdu fit-tielet u l-aħħar dibattitu qabel miljuni ta’ persuni jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. It-temi prinċipali ta’ din id-diskussjoni kienu l-ekonomija u l-impjiegi; id-difiża u sigurtà; il-klima u l-ambjent; id-demokrazija u t-tmexxija; l-immigrazzjoni u l-fruntiera; flimkien mal-innovazzjoni u t-teknoloġija.
Il-ħames kandidati li jiġu minn partiti differenti huma:
Il-President tal-Kummissjoni attwali Ursula Von Der Leyen mill-Partit Popolari Ewropew
Il-President tal-Kummissjoni hija fuq quddiem biex terġa’ tokkuppa din il-kariga – bil-Partit Popolari Ewropew ikun l-aktar partit popolari skont il-polls. Von Der Leyen hija mfaħħra għall-European Green Deal u l-pjan ta’ rkupru mill-pandemija tal-COVID flimkien mar-riviżjoni tal-liġi tal-ażil u l-imigrazzjoni.
Walter Baier mill-Partit Ewropew xellugi
Il-kap tal-Partit Ewropew xellugi, li jiġi mill-Partit Komunist fl-Awstrija, jistqarr li għandu tama li joffri dik li skontu hija tmexxija alternattiva għall-votanti li huma inkwetati fuq akkomodazzjoni u l-għoli tal-ħajja.
Terry Reintke mill-grupp tal-Ħodor
Reintke flimkien ma’ Bas Eickhout, wiegħdet li ssalva l-aġenda ekoloġika mil-lemin estrem b’investiment annwali ta’ €200 biljun f’teknoloġiji nodfa.
Nicolas Schmit mill-Partit tas-Soċjalisti
Schmit – li jiġi mill-Partit Soċjalista, qed jagħmel id-drittijiet soċjali, id-difiża tad-demokrazija u l-aġenda ħadra bħala prinċipji ewlenin tal-kampanja tiegħu.
Sandro Gozi mill-Partit ta’ Tiġdid Ewropew
Sandro Gozi, politiku Taljan elett fil-Parlament Ewropew fi Franza, ġej mill-Partit Demokratiku Ewropew ċentrist u federalista. Il-grupp ta’ tiġdid jidher li se jkun qed isofri telf kbir fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju – fejn jista’ saħanistra jitlef il-pożizzjoni tiegħu bħala t-tielet l-akbar forza politika tal-parlament.
Fid-diskussjonijiet li saru, ħarġu fid-deher it-temi li l-aktar qed joħonqu l-pajjiżi Ewropej, fosthom l-għoli tal-ħajja. Il-President tal-Kummissjoni ddefendiet is-sussidji tal-bdiewa, wara numru ta’ protesti mill-bdiewa stess madwar l-Ewropa. Hi tenniet li dak li qed jitolbu l-bdiewa huwa ċar – il-bżonn ta’ newtralità klimatika għaliex jgħixu minn natura, filwaqt li jimxu ‘l bogħod mill-kundizzjonijiet u jibdew jersqu lejn inċentivi u teknoloġija.
Intant, suġġett prominenti ieħor f’din id-diskussjoni kien il-gwerra f’Gaza, bil-President tal-Kummissjoni terġa’ tappella għall-waqfien mill-ġlied u r-rilaxx tal-128 ostaġġ li jinsabu f’idejn il-Hamas, dan wara l-attakki tas-7 ta’ Ottubru, attakki li sa issa għadhom ma rawx waqfien.
Von Der Leyen tkellmet ukoll rigward l-imigrazzjoni, fejn tenniet li dawk kollha li jiġu fl-Ewropa b’mod irregolari u ma jkunux taħt ażil, għandhom imorru lura d-dar. Dan wara li l-Partit Popolari Ewropew ressaq l-introduzzjoni tal-esternalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-ażil lil pajjiżi terzi. Il-kandidat Soċjalista juri ċar li ma jaqbilx ma’ din l-introduzzjoni.
//= $special ?>