Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ ffukat fuqek u jibqa’ jaħdem għalik għax jemmen li int u l-għeżież tiegħek jixirqilkom aħjar. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista jagħmel minn kollox biex jipprova jżomm il-poter taħt idejh, saħansitra bi frodi elettorali. Din id-differenza li għandek tivvota għaliha fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjarat li għamel fil-lokalitajiet ta’ Ta’ Xbiex u l-Ħamrun biex ikompli jwassal il-messaġġ tal-Partit fost ir-residenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif illum intemm proċess fil-Qorti fejn 22 Maġistrat differenti kkonfermaw li l-Partit Laburista wettaq frodi elettorali, b’abbuż ta’ poter, kontra l-poplu meta dawwar l-indirizz ta’ persuni fuq is-Siġġiewi biex jipprova jżomm lil din il-lokalità taħt idejh.
Spjega li għall-Partit Nazzjonalista, kulħadd għandu d-dritt daqskemm id-dmir li jivvota, iżda dan il-proċess għandu jsir kif suppost, jiġifieri fejn wieħed ikun qed jgħix u allura intitolat biex jivvota, skont il-liġi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Partit qed jippreżenta pjani differenti għal-lokalitajiet differenti għax jifhem li kull lokalità għandha l-bżonnijiet tagħha. Proposti oħrajn, umbagħad, huma komuni għal-lokalitajiet kollha biex ikunu indirizzati sfidi komuni bħal dawk relatati mat-traffiku u mal-ambjent, fost oħrajn.
F’Ta’ Xbiex, spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid li tinħoloq aktar enerġija alternattiva b’użu aħjar ta’ postijiet pubbliċi, fosthom il-bus shelters. Barra minhekk, irid li l-lokalità jkollha Ċentru Ċiviku kif jixirqilha u li jkun ‘one-stop shop’ għall-ħtiġijiet tar-residenti kollha.
Min-naħa l-oħra, fil-Ħamrun, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif f’din il-lokalità jgħixu eluf ta’ residenti minbarra dawk li jżuruha għal raġunijiet differenti. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-Ħamruniżi kollha jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, fosthom fejn tidħol is-sigurtà.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li, b’maġġoranza mmexxija minnu fil-Kunsill Lokali, isiru aktar cameras tas-sigurtà, filwaqt li jsir community policing aħjar għax jifhem li l-Pulizija għandhom bżonn aktar għajnuna fil-qadi ta’ dmirijiethom. Proposti oħrajn jinkludu l-introduzzjoni ta’ skemi biex djar li m’għadhomx abitabbli jintużaw għall-ġid tal-komunità.
Bi tmexxija aħjar fil-Kunsilli Lokali grazzi għall-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, int jista’ jkollok ħajja aħjar għax il-Partit Nazzjonalista jaħdem għalik. Hu għalhekk li int għandek tivvota lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Hu fakkar ukoll kif, bl-istess mod, għandu jingħata appoġġ sħiħ lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għax qed juru bil-fatti li huma kkonċentrati biex jaħdmu għalik meta ħaddieħor hu moħħu biss biex jattakka l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Madankollu, l-attakki tal-Partit Laburista jfissru biss li jrid ikompli ma jagħtix kas li l-lokalitajiet tagħna jimxu ‘l quddiem u li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, kif irid il-Partit Nazzojnalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif, anke fuq livell nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta proposti biex tkun miġġielda l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Ma’ dawn il-proposti qabel kulħadd, inkluż il-General Workers Union, minbarra Robert Abela.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lil dawk li għadhom ma ġabrux id-Dokument tal-Vot tagħhom biex jagħmlu dan mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità, jew mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali fejn m’hemmx Għassa tal-Pulizija, għax il-vot hu ċ-ċavetta li tagħtik l-opportunità tagħżel lil min verament irid jaħdem għalik.