“Il-proklama li ngħatat lil Melvin Theuma hija bbażata fuq il-gideb u għad hemm affarijiet fuq dan il-każ li għadhom ma ħarġux.” Dawn prattikament kienu l-unika kliem li lissen Alfred Degiorgio fil-Qorti fejn tenna li ma xtaqx li jiżvela aktar għax jekk jagħmel dan kien se jinkrimina ruħu.
Huwa qal dan quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fil-proċeduri ta’ kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, liema kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech reġgħet infetħet wara s-sentenza ta’ Ottubru 2023 mill-Qorti tal-Appell Kriminali, li tat struzzjonijiet lill-Maġistrat li tippresiedi, biex tisma’ d-depożizzjoni ta’ numru ta’ xhieda speċifiċi.
Yorgen Fenech qed jiġi mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mistoqsi mill-prosekuzzjoni jirrakkonta l-involviment ta’ Fenech fuq il-qtil tal-ġurnalista, huwa ċaħad milli jwiegeb. Tenna biss li l-ewwel darba li sar jaf dwar Yorgen Fenech, kien proprju meta tressaq il-Qorti.
Huwa nsista wkoll li ma jweġibx għal mistoqsija oħra meta l-prosekuzzjoni staqsiet kemm ilu jaf lil Fenech. Il-Maġistrat Rachel Montebello infurmat lix-xhud li jekk mhux se jixhed, il-Qorti kienet se tordna l-arrest tiegħu. Huwa qal li ma riedx li jinkrimina ruħu.
Il-Qorti talbet lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud jistaqsi aktar mistoqsijiet, bit-tama li x-xhud iwieġeb xi waħda minnhom. Madankollu Alfred Degiorgio baqa’ jiċħad li jwieġeb għal kull mistoqsija li għamlet il-prosekuzzjoni.
Fost il-mistoqsijiet li x-xhud għażel li ma jweġibx, il-prosekuzzjoni staqsiet jekk Melvin Theuma kienx isemmi lil Yorgen Fenech miegħu u ma’ ħuh George Degiorgio. Staqsiet ukoll min kien iħallas lill-aħwa Degiorgio waqt li kienu l-ħabs, minn fejn ġabu l-isplussiv li tpoġġa fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia, u x’kienet ir-raġuni wara l-qtil.
Fuq il-pedana tax-xhieda wara xehed ħuh, George Degiorgio, iżda bħal Alfred Degiorgio ma riedx iwieġeb minħabba l-istess raġuni. Mistoqsi mill-gdid mill-Assistent Kummissarju Arnaud dwar x’kienet ir-raġuni wara l-qtil tal-ġurnalista, ix-xhud baqa’ stinat li ma jweġibx filwaqt li żied jgħid li “dawn id-domandi messhom saru waqt l-interrogazzjoni fl-2017”. Qal, “li kieku l-Pulizija kellha l-interess li tkun taf din l-informazzjoni, Yorgen Fenech ma kienx ikun qiegħed hawn.”
L-aħwa Alfred u George Degiorgio ġew ikkundannati għal 40 sena ħabs wara li wieġbu ħatja li wettqu l-qtil tal-ġurnalista, fl-ewwel jum tal-proċess tagħhom. L-aħwa kienu appellaw mingħajr suċċess kontra s-sentenza, li sussegwentement ġiet ikkonfermata fl-appell.
It-tielet assassin, Vincent Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu” bħalissa wkoll qed jiskonta sentenza ta’ 15-il sena għar-rwol tiegħu fil-qtil, wara li rċieva sentenza inqas bi tpattija għal informazzjoni wara li laħaq ftihem ta’ patteġġament mal-prosekuzzjoni.
Ir-raba’ raġel, Melvin Theuma, il-middleman f’dan l-assasinju, kien irċieva l-maħfra presidenzjali għall-parti tiegħu, bi tpattija biex jagħti l-informazzjoni lill-Istat dwar dan il-każ. L-avukati ta’ Yorgen Fenech talbu r-revoka tal-maħfra, u sostnew li x-xhieda ta’ Theuma kienet “nofs veritajiet” u skoss “gideb sfaċċat”.
Għaldaqstant, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ordnat l-arrest tal-aħwa Degiorgio. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Anthony Vella u Godwin Cini mill-ufficcju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.
L-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri qed jidhru ghal Yorgen Fenech. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia bħala parte civile. L-avukati Leslie Cuschieri u Noel Bianco qed jassistu lil aħwa Degiorgio.
Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar it-Tlieta, 4 ta’ Ġunju, fid-9.15am.
//= $special ?>