Internazzjonali

Il-Vatikan: Carlo Acutis…Minn beatu għal qaddis

Adolexxenti imwieled Londra u li miet bil-leukaemia fl-età ta’ 15-il sena, se jkun ikkanonizzat qaddis mill-Vatikan — għalkemm mhix magħrufa d-data taċ-ċerimonja.

Carlo Acutis kien miet fl-2006 fil-belt Taljana ta’ Monza, iżda mhux qabel hu kiseb reputazzjoni kbira bħala ‘influencer’ b’kapaċità kbira biex iferrex id-duttrina tal-Knisja Kattolika fuq il-mezzi online.

Fil-fatt, Acutis ingħata l-laqam ‘l-Influencer ta’ Alla’ u issa se jkun l-ewwel ‘millenial’ ( persuna li twieledet bejn il-bidu tat-tmeninijiet u l-aħħar tas-snin disgħin) li jkun iddikjarat qaddis mill-Knisja. Dan ukoll wara li l-Papa Franġisku attribwixxa t-tieni miraklu lil Carlo Acutis li, fl-2020, kien iddikjarat beatu bħala l-ewwel pass lejn qdusija.

Il-katavru ta’ Carlo Acutis, fil-preżent, qed jinżamm, flimkien ma’ relikwi oħra relatati miegħu, fil-belt ta’ Assisi, fl-Italja.