Il-verdett tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’The Hague jesiġi biex Iżrael iwaqqaf l-offensiva militari tiegħu fil-belt ta’ Rafah, lejn in-Nofsinar ta’ Gaza.
L-Ogħla Qorti tan-NU qalet ukoll li l-aċċess mal-fruntiera bejn Rafah u l-Eġittu għandu jibqa’ miftuħ għat-trasport u l-movimenti tal-għajnuna umanitarja lir-residenti ta’ Rafah….Moviment li minn issa ‘il quddiem irid isir fuq ‘skala kbira’.
Iżda għalkemm din il-Qorti tista’ toħroġ ir-rulings li jorbtu legalment lil pajjiż partikulari, ftit hemm mezzi biex hi tinforza l-verdetti u d-direttivi.
L-Afrika t’Isfel kienet talbet lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex toħroġ id-direttiva inkwistjoni bħala miżura ta’ emerġenza. Intant, dan il-pajjiż, li għandu affinità kbira mal-Palestinjani, qal li l-azzjonijiet tal-Iżraeljani f’Rafah jammontaw għal ‘ġenoċidju’ minbarra li qed jipperikolaw l-eżistenza proprju tal-poplu Palestinjan.
It-talba kienet parti minn każ aktar komprensiv ‘dwar l-azzjonijiet tal-Iżraeljani f’Gaza’ li l-Afrika t’Isfel ressqet quddiem il-Qorti f’The Hague.
Iżrael, qabel, qal li l-offensiva f’Rafah hi importanti fl-impenn militari biex hu iserraħ rasu li ma jsirux aktar attakki terroristiċi fuq skala kbira mill-Ħamas (f’Gaza) kontra n-nies tiegħu. Dan meta l-Iżraeljani qed jirreferu għall-każ imressaq mill-Afrika t’isfel (f’The Hague) bħala ‘totalment infondat’.