Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak ma mponietx sentenza ta’ ħabs effettiva fil-konfront ta’ raġel ta’ 35 sena li għandu problema ta’ droga li ammetta li uża vjolenza fejn ikkaġuna feriti ħfief, inkluż vjolenza morali u psikolġika, fuq is-sieħba tiegħu li tgħix taħt l-istess saqaf miegħu, fuq missieru, ommu u n-nanna tiegħu.
Il-Qorti ordnat divjet fuq kollox rigward dan il-każ fejn la jista’ jissemma’ isem l-akkużat, la fejn joqgħod u wisq inqas l-ismijiet tal-vittmi ta’ dan ir-reat. Ir-reati seħħew nhar l-Erbgħa u fil-jiem u x-xhur ta’ qabel din id-data. Is-sieħba tiegħu tiġi omm it-tifel tiegħu.
Huwa ammetta fost oħrajn li llimita l-aċċess għall-flus fejn id-delitt twettaq fil-konfront ta’ membru tal-familja. Dan bl-iskop li jagħmel xi ħaġa sabiex inaqqas l-abbilitajiet tal-persuni jew jiżola tali persuni konċernati.
Ammetta wkoll li ta fastidju għal aktar minn darba u ġab ruħu b’mod li kien jaf jew li messu kien jaf fil-konfront tal-ġenituri tiegħu, is-sieħba tiegħu u nanntu. Ammetta li ppermetta li n-nanna tiegħu ssofri, uġigħ fiżiku jew tbatija mentali mhux ġustifikabbli jew waqt li kellu l-kura u l-kustodja tagħha u li spiċċat f’sitwazzjoni ta’ periklu.
Wieġeb ħati wkoll li dawn ir-reat seħħew quddiem minuri u li hedded lill-vittmi permezz tal-mobile. Il-Qorti kienet mitluba mill-prosekuzzjoni sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittmi u dan billi toħroġ ordni ta’ protezzjoni kontra l-imputat skont l-Artikolu 412C tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, liema talba nlaqgħet.
Intalbet u ntlaqgħet ukoll ordni ta’ trattament li tkun teħtieġ li persuna bħal sin minħabba l-problemi li għandha. Dan sar wara li r-raġel ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u wara li l-Qorti pposponiet il-kawża għal ftit minuti sabiex l-imputat jikkonsulta mal-avukat tiegħu u jerġa’ jaħsibha, dwar il-ħtija tiegħu.
Meta reġgħet issejħet il-kawża, l-imputat reġa’ wieġeb li huwa ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Wara li semgħet it-trattazzjoni dwar il-piena, bl-imputat fuq ammissjoni tiegħu stess jinstab ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontrih iżda minflok timponi piena karċerarja, poġġietu taħt Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza u tal-ordni ta’ probation għandhom jiġu trasmessi minnufih
lid-Direttur tas-Servizzi ta’ Probation u Parole sabiex jassenja uffiċjal tal-probation biex ikun responsabbli għas-sorveljanza tal-ħati.
L-Uffiċjal tal-Probation assenjat għandu jirrapporta bil-miktub lill-Qorti kompetenti bil-progress tal-ħati kull sitt xhur, u għall-istess qegħda tpoġġi lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin u dan wara li kkunsidrat li jkun xieraq li ssir din l-ordni sabiex ikun jista’ jiġi megħjun jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Qorti qegħda wkoll toħroġ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-imputat a favur il-persuni vittmi. Il-Qorti fissret lill-ħati bi kliem ċar u li jinftiehem, l-effetti ta’ din l-Ordni u l-konsegwenzi legali f’każ li huwa jikser xi kundizzjoni tad-digriet imsemmi.
L-Ordni hija għall-perjodu ta’ tliet snin u tgħid li matul dan il-perjodu l-ħati għandu jġib ruħu tajjeb, joqgħod għad-direttivi kollha tal-Uffiċjal tal-Probation maħtur lilu u jżomm dak il-kuntatt meħtieġ u mitlub mill-istess uffiċjal.
Il-ħati għandu javża immedjatament lill-Uffiċjal tal-Probation b’kull bdil li jagħmel fl-indirizz residenzjali tiegħu jekk ikun il-każ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.