“Aħna narawk ukoll fl-10am fil-Belt Valletta”
L-Uffiċjal tal-Gvern u Eks Segretarju Ġenerali tal-Labour Jason Micallef, ħareġ bl-aktar mod ċar jisfida lill-Mexxej Laburista Robert Abela hekk kif minkejja l-inkwiet tal-Prim Ministru u l-appelli biex in-nies imorru x-xogħol… Micallef xorta waħda jrid iniżżel in-nies fit-toroq tal-Belt Valletta.
Permezz ta’ kitba fuq Facebook, Jason Micallef kompla jsaħħan il-partitarji Laburisti billi ħalla messaġġ lill-Eks Mexxej Laburista Joseph Muscat fejn qallu li huma se jkunu qed jarawh it-Tlieta filgħodu.
Dan hekk kif nhar it-Tlieta 28 ta’ Mejju Jason Micallef, flimkien ma’ Emmanuel Cuschieri u l-Avukat Charlon Gouder ħeġġew lill-miġemgħa biex jingħaqdu magħhom quddiem il-binja tal-Qorti biex jagħtu sostenn lil Muscat li flimkien ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri se jkun qed jiġi akkużat fost oħrajn bi frodi u ħasil ta’ flus.

Matul il-jum tal-Ħamis Robert Abela esprima t-tħassib tiegħu filwaqt li appella lil-Laburisti biex jibqgħu għax-xogħol u insista li din is-sejħa mhux qed issir f’isem il-Partit Laburista, u agħar minn hekk qal li dan kollu mhux qed jiġi organizzat minn niesu.
Fl-istess waqt, apparti Jason Micallef, saħansitra l-mara tal-Eks Prim Ministru Michelle Muscat, bdiet tħeġġeġ lin-nies biex jattendu għal-laqgħa quddiem il-Qorti.
Diskors ċar li fi ħdan il-Partit Laburista li juri li hemm qasma li Abela preżentament mhux kapaċi jikkontrolla u tilef ir-riedni minn idejh.
Dan filwaqt li bi tħejjija għal nhar it-Tlieta filgħodu, fl-aħħar jiem Joseph Muscat spiċċa qed jaħtaf is-serati tal-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew – bis-serati ta’ dawn il-kandidati fl-irħula Maltin qed jispiċċaw ‘hijacked’ mill-Eks Mexxej Laburista bil-għan li minflok jagħti palata lill-kandidat – jispiċċa jagħtiha lilu nnifsu b’rabta ma’ dak li qed iħabbat wiċċu miegħu quddiem il-ġustizzja.
