Raġel ta’ 36 sena mill-Birgu u residenti l-Imqabba, li ismu mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, tressaq il-Qorti mixli li attakka lill-eks sieħba tiegħu b’sikkina, wara li ħaseb li kienet qed taqlibielu.
L-akkużat li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, ingħata l-libertà proviżorja wara li l-mara ħafritlu għas-sorpriża tal-prosekuzzjoni peress li jumejn qabel kienet hi stess li għamlet rapport lill-Pulizija dwar l-allegata aggressjoni.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, ħareġ li nhar it-Tlieta, il-Pulizija tad-Distrett tat l-assistenza lill-allegata vittma wara argument li nqala’ bejniethom. Mal-Pulizija hi qalet li meta marret tiġbor xi affarijiet mir-residenza tal-imputat, l-akkużat ħareġ sikkina għaliha u għamilielha m’għonqha.
Meta ppruvat taħrab minn fuq il-post, hu heddidha b’sikkina ma’ qaddha u pprova jwaddbilha l-ġebel. L-avukat tal-vittma, Nicholas Mifsud, qal li l-mara lesta li taħfirlu u anke twaqqaf il-proċeduri kontrih. Fil-Qorti, il-mara xehdet li tixtieq taħfirlu għax mhux bniedem ħażin filwaqt li qalet li għandu bżonn l-għajnuna.
Qalet ukoll li tixtieq li t-tnejn ikomplu b’ħajjithom u ma tixtieqx li l-eks sieħeb tagħha jispiċċa l-ħabs. Il-prosekuzzjoni qalet li ma tistax tifhem kif wara jumejn, wara l-allegazzjonijiet li għamlet il-vittma, meta mal-Pulizija dehret ukoll imbikkma b’dak li allegatament ġara, tgħid li tixtieq ma tkomplix bil-proċeduri.
Il-Qorti ddeferixxiet il-kawża għal nhar it-Tnejn li ġej, wara li rat dokumenti li jindikaw li l-imputat għandu żewġ armi tan-nar fil-pussess tiegħu. Il-Maġistrat talab lill-prosekuzzjoni biex tiżgura li dawn huma rreġistrati u possibbilment ma jibqgħux fil-pussess tiegħu sakemm tkompli tinstema’ l-kawża.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jagħmilx kuntatt mal-allegata vittma filwaqt li imponiet fuqu garanzija personali ta’ €20,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi. L-akkużat kien assistit mill-Avukat Nicholas Mifsud. Għall-parte ċivile deher l-Avukat Arthur Azzopardi.
//= $special ?>