Mark Borg ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li sitt snin ilu seraq żewġ pappagalli f’Birżebbuġa. Minkejja li sar reċidiv, il-Qorti qieset il-fatt li Borg bidel ħajtu kompletament għall-aħjar fejn issa għandu wkoll impjieg, u għalhekk sentenza ta’ ħabs żgur li ma tagħmillux ġid.
Fil-Qorti, li kienet preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li ż-żewġ għasafar insterqu minn Triq Bengħajsa. L-ewwel pappagall tar-razza African grey, insteraq fit-28 t’April tal-2018 għall-ħabta tad-8.45pm. L-ieħor, tar-razza Alexandrine, insteraq jumejn wara għall-ħabta tat-3.30am. Is-serqa taż-żewġ għasafar saret fil-konfront tal-istess sid.
Borg instab ħati wkoll li ġiegħel lil Alexandrine jbati, kif ukoll li bir-reati li wettaq sar reċidiv. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat qieset, fost l-oħrajn, il-fatt li Borg biddel ir-rotta ta’ ħajtu sew, fosthom billi sab xogħol stabbli. Tqies ukoll, il-fatt li għasfur minnhom ġie rritornat lil sidu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur anzjan Joseph Mercieca.
//= $special ?>