Futbol Sport

Lucas Paqueta ffaċċjat b’akkużi serji

Il-midfielder Brażiljan ta’ West Ham, Lucas Paqueta, qed jaffaċċja akkużi serji fejn fost l-oħrajn qed ikun akkużat li b’mod intenzjonat kien irċieva ammonizzjoni fil-partiti kontra Leicester fit-12 ta’ Novembru 2022, fil-partita kontra Aston Villa fit-12 ta’ Marzu 2023, kontra Leeds United fil-21 ta’ Mejju 2023, u kontra Bournemouth fit-12 ta’ Awwissu 2023.

Hu qed ikun akkużat li għamel dan wara li kien influwenzat mis-suq tal-imħatri sabiex persuna jew persuni jagħmlu profitt finanzjarju.

Paqueta ssieħeb ma’ West Ham mingħand Lyon ta’ Franza, f’Awwissu tas-sena 2022 għas-somma ta’ £36.5 miljun fejn qal li jinsab sorpriż bl-akkużi li qiegħed jaffaċċja. Hu żied jgħid li għal dawn l-aħħar disa’ xhur kien qiegħed jikkopera mal-investigaturi tal-każ, filwaqt li bl-aktar mod kategoriku ċaħad l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Fl-aħħar snin, il-Premier League kellu bosta każijiet simili relatati ma’ mħatri, fejn fost l-oħrajn l-attakkant ta’ Brentford, Ivan Toney, kien sospiż tmien xhur, kif ukoll id-difensur ta’ Newcastle United Kieran Trippier kien sospiż għaxar ġimgħat fil-perjodu li kien jilgħab fi Spanja ma’ Atletico Madrid.