Kummerċ Lokali

Malta Properties bi prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha

Mohsin Majid, Kap Eżekuttiv ta' Malta Properties plc

Malta Properties ħabbret is-suċċess li kisbet fil-prestazzjonijiet finanzjarji u operattivi fl-2023. Ir-rapporti juru kisbiet sinifikanti li saru kemm fl-iżvilupp u kemm fit-tkabbir operattiv tal-grupp.

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fl-aħħar jiem, Malta Properties tul l-2023 kompliet tirreġistra aktar tkabbir ekonomiku pożittiv, fejn irreġistrat tkabbir ta’ 19% fid-dħul, għal total ta’ €5 miljun. Dan it-tkabbir impressjonanti kien imsaħħaħ minn investiment strateġiku fil-proprjetà li għandha, minn akkwisti ta’ klijenti ġodda li nkisbu b’suċċess, u minn żieda fil-kirjiet riżultat tal-inflazzjoni. Il-profitti operattivi żdiedu b’26% fis-sena li għaddiet għal €3.4 miljun. Dan jirrifletti l-prestazzjoni finanzjarja u reżiljenza fix-xenarju ta’ suq mill-aktar dinamiku. Mil-lat operattiv, Malta Properties eċċellat f’diversi ħidmiet matul l-2023.

Malta Properties tibqa’ ottimista dwar il-prospetti ekonomiċi tal-pajjiż u tipproġetta tkabbir kontinwu fid-dħul u fil-profitti operattivi matul l-2024. Flimkien ma’ dan ix-xenarju pożittiv, il-grupp ħabbar b’sodisfazzjon żieda fid-dividend għal kull sehem għal 1.4 ċenteżmu ta’ ewro. Dan jirrifletti l-fiduċja fil-prestazzjoni finanzarja tal-grupp u l-impenn jagħti valur lill-azzjonisti.

B’ħarsa ’l quddiem, Malta Properties tirrikonoxxi l-isfidi li hemm f’dan is-settur, fosthom il-prevalenza tax-xogħol remot u ż-żieda fl-ispazju ta’ uffiċċji li hawn fis-suq.

Malta Properties tħares ’il quddiem lejn l-opportunitajiet u l-isfidi li se ssib fis-sena li ġejja u se tibqa’ soda fl-impenn tagħha lejn l-azzjonisti. B’ħidma finanzjarja konservattiva u b’dejn limitat, Malta Properties hi f’pożizzjoni tajba li tindirizza l-isfidi tal-futur u tisfrutta l-opportunitajiet għal aktar tkabbir.

Mix-xellug għal-lemin: Daniela Zammit, Kap Finanzjarju; Mohsin Majid, Kap Eżekuttiv; Nasser Al Awadhi, Chairman tal-kumpanija; Francis Galea Salomone, Segretarju tal-Kumpanija; u Andrew Muscat Mamo minn TCV.