Sport

MFPA u Gżira United fil-finali tal-VMFA Trophy

MFPA u Gżira United Veterans se jkunu qed jikkontestaw il-finali tal-VMFA Trophy wara li rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.

Il-holders MFPA ma sabuhiex faċli sabiex għelbu lil Birkirkara St Helen’s 3-2. Kienet logħba viċin xulxin, biż-żewġ naħat li attakkaw kemm felħu għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Malta Football Players Association li ħarġu rebbieħa. Alexander Ribic, Gareth Sciberras u George Frendo skorjaw il-gowls għal MFPA, b’Kevin Sammut jispikka għal Birkirkara meta skorja doppjetta.

Referee kien Peter Abela.

Rabat u Gżira United offrew logħba mill-isbaħ bl-iskor sal-ħin regolamentari jkun dak ta’ 3-3 għalkemm Gżira rebħu 4-2 wara l-għoti tal-penalties sabiex għaddew għall-fażi deċiżiva ta’ din il-kompetizzjoni. Adam Smeir skorja doppjetta għal Rabat b’Ibrahim Tarek li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Gżira baqgħu dejjem fil-logħba fejn kien Arthur Oyama li skorja doppjetta b’Kevin Vella li wkoll sab ix-xibka. Fl-għoti tal-penalties, il-Maroons kienu aktar preċiżi sabiex skorjaw erba’ gowls bir-Rabtin li skorjaw tnejn.

Referee kien Peter Abela.

Il-finali tal-VMFA Trophy se ssir nhar l-Erbgħa li ġej fil-grawnd tad-Dorotej, f’Ħaż-Żebbuġ.