Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jara li r-residenti tal-Imsida jkollhom lokalità aħjar. Dan billi l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta diversi proposti pożittivi għalik. Għax għall-Partit Nazzjonalista, kull persuna tgħodd, kemm jekk toqgħod fil-qalba tal-lokalità, kif ukoll jekk toqgħod fil-periferija.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-qalb tal-Imsida, indirizzata mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, li tennew kif il-Partit Nazzjonalista minn dejjem emmen li l-Kunsilli Lokali għandhom ikollhom l-awtorità li tixirqilhom bħala Gvern Lokali.
Kien elenkat ukoll il-pjan tal-Partit Nazzjonalista għall-Imsida, fosthom li jsolvu l-isfidi preżenti u joħolqu ħajja aħjar fil-lokalità fosthom insistenza mal-awtoritajiet konċernati għal skema ta’ Parkeġġ għar-Residenti bħalma teżisti f’lokalitajiet oħrajn, inklużi dawk ġirien; li kwalunkwe proġett maġġur ta’ infrastruttura fit-toroq fil-qalba tal-lokalità, l-awtoritajiet ċentrali kompetenti jkunu indirizzaw kwalunkwe possibbiltà ta’ ‘bottle-necks’ fit-traffiku li tista’ teżisti fil-futur; kif ukoll li jsir aktar użu minn fondi Ewropej għal residenti biex dawn ikunu mħeġġa jħaddru l-gallariji u l-bjut tagħhom b’tipi differenti ta’ pjanti.
Dan apparti wkoll li sar elenku dwar il-proposti li l-Kunsilliera Lokali se jkunu qed jaħdmu fuqhom madwar Malta u Għawdex, fosthom li ssir ħidma ta’ studju u analiżi dwar l-iżvilupp tal-lokalità, il-carrying capacity ta’ kemm tiflaħ il-lokalità biex ikun assigurat l-investiment infrastrutturali meħtieġ għall-bżonnijiet tal-lokalità. F’dan ir-rigward ukoll se ssir ħidma ta’ kordinazzjoni tat-traffiku tal-lokalità, biex in-nies ma jibqgħux ibatu l-konsegwenzi tat-traffiku. Fil-lokalitajiet ikollna ambjent san, fejn isir aktar xogħol fuq il-ġbir tal-iskart u ż-żamma tal-post tittejjeb, bil-Kunsilli Lokali jingħataw aktar awtorità f’dan l-ambitu.
Għal Imsida aħjar, ġie mtenni kif il-Partit Nazzjonalista fil-lokal se jkun ukoll qed jara kif il-wiċċ tal-Ġibjun jinbidel f’zona ta’ rikreazzjoni, bit-tisqija tas-siġar u/jew pjanti fil-post issir mill-ilma tal-ġibjun stess, tkun introdotta bye-law meħtieġa, wara konsultazzjoni mar-residenti, biex l-integrazzjoni bejn il-Maltin u l-barranin tkun waħda sigura u sostenibbli għaż-żewġ naħat, dan filwaqt li wkoll tinħoloq sistema ta’ neighbourhood watch ikkordinata mill-Kunsill Lokali.
Il-Partit Nazzjonalista fil-lokal se jkun qed jara li fiċ-Ċentru Ċiviku jew fil-viċin, jibda jingħata mill-aktar fis possibbli s-servizz ta’ Berġa kif kien jingħata fil-passat fil-lokalità, filwaqt li ssir pressjoni biex id-Dar tal-Anzjani tal-Gvern tfittex titlesta.
Kien elenkat ukoll kif il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex il-Kunsilli Lokali jkunu verament Gvernijiet Lokali u mhux customer care tal-Gvern.
Finalment, kien imtenni kif preżentament fl-Imsida l-Partit Nazzjonalista għandu tim magħqud filwaqt li l-Partit Laburista fl-Imsida tant hu bla ideat u maqtugħ mir-realtajiet tar-residenti, li qed jippreżenta proposti li jirkbu biss fuq proġetti riċiklati tal-Gvern.
Preżenti għal din il-konferenza aħbarijiet kien hemm il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għal-lokalità tal-Imsida.
//= $special ?>