Ġiet ippreżentata s-sentenza mogħtija minn Qorti Taljana quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fil-konfront ta’ Sqalli ta’ 32 sena, li kien mfittex mill-awtoritajiet Taljani fejn kien ġie kundannat seba’ snin u xahrejn ħabs fuq kriminalità organizzata u traffikar tad-droga kokaina.
Dan hekk kif bdew jinstemgħu l-provi kontra Gianluca Caruso, wara li l-awtoritajiet fl-Italja qed jitolbu l-estradizzjoni tiegħu wara li fl-2020 kien kundannat għal traffikar ta’ kokaina u marijuana. Caruso kien wieħed minn 40 persuna arrestati fl-2020 bħala parti minn ħidma kontra ċrieki ta’ traffikar tad-droga fid-distrett ta’ Katanja.
L-investigazzjonijiet kienu stabbilixxew li t-traffikar tad-droga kien qed isir bi qligħ għall-familja mafjuża Cappello-Bonaccorsi. Rapport mill-midja Taljana qalu li l-Isqalli kien ta ruħu lill-Pulizija madwar ħames snin ilu fl-ajruport Vincenzo Bellini, f’Katanja, wara operazzjoni ta’ infurzar li kissret żewġ ċentri ta’ kummerċ tad-droga fid-distrett ta’ San Berillo Nuovo ta’ Katanja.
Dan kien wassal ukoll għall-arrest ta’ 40 persuna akkużati bi traffikar ta’ droga. L-akkuzi kienu kkunsidrati gravi minħabba li l-istess traffikar kienet qed iħalli qligħ lill-familja mafjuza Cappello-Bonaccorsi. Il-Ġimgħa, id-difiża infurmat lill-Qorti li ġiet notifikata bis-sentenza filgħodu stess u għaldaqstant talbet żmien sabiex tkun tista’ tirregola ruħha.
Qalet ukoll li la darba jingħata l-kunsens, se tkun qed titlob garazija mill-Qorti Taljana sabiex Caruso jiskonta s-sentenza f’Malta għaliex ilu jgħix Malta għal madwar seba’ snin u bħalissa qed jistenna tarbija flimkien ma’ martu.
Il-Qorti laqgħet it-talba sabiex tevalwa s-sentenza u ddeferixxiet il-kawża għat-3 ta’ Ġunju.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Shaun Scerri DeCarlo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Roderick Spiteri. Għal Gianluca Caruso qed jidhru l-avukati Jacob Magri u Charles Mercieca.
//= $special ?>