Lokali

“Rebħa fuq il-frodi elettorali tal-Gvern li lagħab b’persuni vulnerabbli” – PN

Ir-rebħa tar-rikorsi mressqa mill-Partit Nazzjonalista hi rebħa fuq il-frodi elettorali fejn il-Gvern uża 99 persuna għall-gwadann tiegħu u a skapitu tagħhom. Il-Gvern u l-Ministeru ta’ Roderick Galdes qarrqu b’dawn il-persuni li ġew imġiegħla jirreġistraw fuq indirizz ġdid fis-Siġġiewi fl-aħħar ġimgħat.

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista, matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u x-Shadow Minister Ivan Bartolo. F’dan il-każ, il-Qorti ordnat investigazzjoni biex tara liema uffiċjali tal-Gvern kienu involuti biex jipprova jisraq il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi billi juża lil persuni vulnerabbli, fosthom persuni morda bil-kanċer, biex jagħmel dan.

Biex jiggwadanja l-Ministru u l-Partit Laburista, Robert Abela u sħabu qarrqu bin-nies u ġegħluhom jiksru l-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab attent li l-proċess tal-elezzjonijiet ikun wieħed nadif u ġust. Kien għalhekk li fetaħ dawn il-proċeduri.

Il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jaċċetta li persuni jkunu manipulati għal gwadann politiku. Aktar u aktar ma jaċċettax li fost dawk li qed ikunu immanipulati jkun hemm persuni vulnerabbli.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Joseph Grech, u x-Shadow Minister Karol Aquilina, li assistew lis-Segretarju Ġenerali bħala Avukati f’dawn il-kawżi.

Attendew ukoll ix-Shadow Ministers Ryan Callus u Jerome Caruana Cilia, kif ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.