Lokali

TIMES OF MALTA: Abela qed iġib l-interessi tiegħu u tal-Labour qabel dawk tal-pajjiż

“Jista’ Abela jinżel aktar fil-baxx?”

Xogħol il-Prim Ministru Robert Abela huwa li jiżgura li l-liġijiet jiġu rispettati kemm bil-fatti u anke fl-ispirtu. Madanakollu, ħafna drabi Abela qed ipoġġi l-gwadann politiku personali qabel il-ġid tal-pajjiż.

Sostna dan l-Editur tal-ġurnal Times of Malta b’rabta mal-iskandlu tal-voti fil-housing tas-Siġġiewi – hekk kif insista li fi kliem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innifsiha, huwa ferm inkwetanti li ċ-ċittadini ġew ingannati biex iwettqu reat kriminali minn uffiċjali tal-Gvern.

Fl-editorjal intqal li b’mossa ta’ paniku biex ma jitilfux il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, il-Labour fassal skema biex numru ta’ votanti jbiddlu l-indirizz tal-lokalità tagħhom fejn kienu se jivvotaw… bil-problema tkun li l-units tal-housing kienu għadhom mhux abitabbli – fatt konfermat mill-Maġistrat li żaret il-binja.

Meta l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża l-Qorti…. minflok Abela ra li ħaġa bħal din ma terġax tirrepeti ruħha, huwa għażel li joħroġ jattakka lill-Partit Nazzjonalista.

L-editur sostna li minflok jara kif l-entitajiet governattivi se jkunu qed jaħdmu b’aktar rettezza, Abela għażel li jittimbra l-azzjoni legali tal-PN bħala “persekuzzjoni politika”.

Għaldaqstant, filwaqt li xeħet dubji serji kemm il-Labour tgħallem minn dan l-iskandlu, l-editur insista li l-Prim Ministru għandu jirrispetta l-pożizzjoni li qed jokkupa.

Iżda fil-verità, Abela qed iġib l-interessi tal-Labour l-ewwel biex isalva ġildu… minflok l-interess tal-pajjiż.

L-editorjal jispiċċa b’din is-sempliċi domanda – jista’ Abela jinżel aktar fil-baxx?