Lokali

“Ħallu l-proċess tal-Qorti jimxi b’mod seren” – l-appell tal-President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono tkellmet apertament dwar it-tħassib kbir illi għandha fuq dak li mistenni jiġri nhar it-Tlieta quddiem il-Qorti.

Spiteri Debono kienet qed tagħmel referenza għall-proċessi li se jibdew il-ġimgħa d-dieħla b’rabta mal-Inkjesta Vitals, u l-appelli li qed isiru lill-partitarji Laburisti minn nies bħal Jason Micallef, Manuel Cuschietri u oħrajn sabiex in-nies jinġabru quddiem il-Qorti.

Fi stqarrija, il-President qalet illi ma jistax ikollna dawk li sejħet “aġenti” tal-provokazzjoni. Dan filwaqt li appellat biex ħadd ma jikser “in-normalità tal-ħajja b’sitwazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw”.

Dan huwa l-appell li wasslet il-President ta’ Malta

Kull ċittadin huwa liberu li jaġixxi fil-parametri tad-drittijiet mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni. Iżda, is-sens komun u l-galbu jgħidulek illi biex ma taqax għall-provokazzjoni, il-provokazzjoni m’għandekx tfittixha jew agħar, tagħmel jew tirrendi lilek innifsek aġent tagħha.

Għalkemm għandi fiduċja sħiħa fil-kapaċità tal-forzi taż-żamma tal-ordni, l-għaqal jiddetta illi ħadd m’għandu b’xi mod jikkontribwixxi biex titkisser in-normalità tal-ħajja b’sitwazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw.

Ikun fl-interess ta’ kulħadd li l-forzi taż-żamma tal-ordni ma jkunux iffaċjati minn sitwazzjonijiet ’il barra min-normalità tax-xogħol tagħhom minn ġurnata għall-oħra.

Nerġa’ ntenni l-appell li diġà għamilt xi ġranet ilu illi l-proċessi ġudizzjarji jitħallew jimxu b’mod seren. Il-liġijiet tagħna jiggarantixxu u jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ min ikun qiegħed jiġi proċessat. Oltre dan, il-ġudikanti tagħna, tul iż-żmien, apparti l-għarfien profond tal-liġijiet li jħaddmu, taw prova tal-lealtà u r-rispett lejn il-liġijiet ta’ pajjiżna u urew li kapaċi jkunu imparzjali.

Pajjiżna huwa l-kollettività taċ-ċittadini lkoll flimkien. Ma għandna nagħmlu xejn li jissarraf fi ħsara għal oħrajn, jew għad-dirittura għall-poplu kollu.

Id-diriġenti taż-żewġ partiti l-kbar, it-tnejn li huma, qegħdin ukoll iħeġġu lill-poplu sabiex fl-elezzjonijiet li ġejjin, dik tal-Kunsilli Lokali u dik tal-Parlament Ewropew, imorru jivvutaw.

Id-demokrazija tibda mill-vot ta’ kull ċittadin. Is-saltna tal-poplu timmanifesta ruħha b’mod konkret fl-elezzjonijiet. Iċ-ċittadin, dan id-dritt bażiku u sagrosant m’għandux jarmih. Jekk jagħmel hekk, ikun qed jiddeċiedi għalih ħaddieħor.