Futbol Sport

Illum il-finali tal-FA Cup

Illum tintlagħab il-finali tal-FA Cup fejn għat-tieni sena konsekuttiva fil-finali se jkun hemm iż-żewġ klabbs ta’ Manchester, Manchester City u Manchester United.

Staġun differenti għaż-żewġ timijiet, b’Manchester City jirbħu l-kampjonat u b’ċans li jagħmlu d-double f’każ li jirbħu dan it-trofew, filwaqt li Manchester United kellhom staġun pjuttost deludenti hekk kif temmew biss fit-tmien post fil-kampjonat u żgur li r-rebħ ta’ dan it-trofew ibiddel xi ftit is-sitwazzjoni f’dan l-istaġun, trofew li jista’ wkoll ikun determinanti għall-futur tal-kowċ Olandiż Erik Ten Hag.

Din se tkun il-143 finali tal-FA Cup bl-aktar tim li rebaħ dan it-trofew jibqgħu Arsenal li rebħuha 14-il darba, segwiti minn Manchester United li rebħu dan l-unur 12-il darba.

Għal din il-partita, Manchester City se jkunu mingħajr il-gowlkiper Ederson li weġġa’ fil-partita mill-Premier League kontra Tottenham, filwaqt li Manchester United jidher li se jkunu mingħajr Harry Maguire.