Fil-finali tal-FA Cup li ntlagħbet f’Wembley Stadium, Manchester United għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 2-1. Kienet partita fejn it-tim ta’ Erik Ten Hag, f’dik li tista’ tkun l-aħħar partita tiegħu bħala kowċ tat-tim implementa b’suċċess il-pjan tattiku tal-istess kowċ, dak li jilqa’ lill-avversarji u jopera bil-kontra attakk.
Manchester United fetħu l-iskor f’nofs l-ewwel taqsima meta wara inċertezza bejn Josko Gvardiol u Stefan Ortega kien Alejandro Garnacho li approfitta u kkonkluda f’lasta vojta. Manchester United irdoppjaw fi tmiem l-ewwel taqsima, meta kienet azzjoni maħduma b’mod tajjeb fejn kien il-midfielder Kobbie Mainoo li kkonkluda wara Ortega għat-tieni darba.
Fit-tieni taqsima, Manchester United għarfu jiddefndu r-riżultat iżda lejn it-tmiem kien żball tal-gowlkiper ta’ Manchester United Andre Onana li ma rnexxilux iżomm xutt ta’ Jeremy Doku bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Dan ir-riżultat ifisser ukoll li Manchester United fl-istaġun li ġej se jkunu qed jilagħbu fl-Europa League fl-istaġun li ġej.
//= $special ?>