L-Iscouts f’Malta u dawk fil-Fgura dejjem ħadmu sabiex jagħmlu unur lil pajjiżhom, lil ta’ madwarhom u lilhom nfushom bħala ċittadini onesti u responsabbli. Nemmnu li ż-żgħażagħ għandhom bżonn ikunu nvoluti aktar fid-deċizjonijiet fil-lokalità tal-Fgura, però huwa ferm aktar importanti li min imexxi jagħti prijorità liż-żgħażagħ sabiex vera jkollna pajjiż b’saħħtu għall-Maltin. B’dispjaċir bħala Scouts fil-Fgura ma nħossux li dan qed isir.
Wasalna fi stat fejn spazju ddedikat għar-rikreazzjoni u t-tagħlim informali tal-Iscouts mhu qatt se jkun parti mill-proġett tad-District Park li ssemma’ matul din il-kampanja elettorali – hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq art miftuħa ta’ madwar 52,000 metru kwadru fil-Fgura!
Waslet elezzjoni oħra, bosta kandidati, ħafna wegħdiet però din mhux l-ewwel darba li ħafna minn dak li kien imwiegħed ma twettaqx. Il-Fgura Scout Group ilu mċaħħad minn post sikur sabiex jeduka lit-tfal sa mill-1997. Rajna xaqq ta’ dawl bejn 2015 u l-2017 meta kienu għaddejjin diskussjonijiet sabiex jkun żviluppat park rikreattiv fiż-żona ta’ Triq Valperga. Saħansitra fid-diskors tal-Budget 2017 kien ġie ddikjarat li se jkun hemm żona għall-attivitajiet informali tal-Iscouts. Però din kienet ġiet eskluża fil-masterplan tal-2018 għall-park reġjonali fiż-żona. Park li fuqu ma saret l-ebda pressjoni bħalma sar fil-lokalitajiet l-oħra viċin tagħna u sal-lum għadu mat-twettaq xejn fil-Fgura.
F’isem dawk kollha li huma membri, ex-membri u membri futuri, ġenituri u ħbieb nixtiequ li kull min għandu għal qalbu l-ġenerazzjoni futura u b’saħħitha jgħarraf b’dan il-messaġġ ħalli fil-lokalità tagħna u fil-Parlament Ewropej jkollna l-aħjar rappreżentanti li vera jemmnu fiż-żgħażagħ b’mod ġenerali, fl-għaqdiet tar-raħal u fil-Fgura.
//= $special ?>