Seba’ għaqdiet ambjentali se jkunu qed jappoġġjaw appell kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ma tippubblikax Carrying Capacity Assessment dwar il-viżitaturi fuq il-gżira ta’ Kemmuna, minkejja diversi tenattivi li saru biex dan id-dokument jiġi ppubblikat.
Il-ħtieġa li jsir studju bħal dan biex ikun stabbilit il-massimu ta’ nies li tiflaħ il-gżira kien elenkat bħala rekwiżit fil-Pjan tal-Immaniġġjar għal Kemmuna li kien finalizzat fl-2014, liema pjan kien stabbilixxa numru ta’ miri u prijoritajiet immirati li jħarsu u jirrestawraw il-bijodiversità tal-gżira.
Talbiet inizjali li saru minn rappreżentanti ta’ BirdLife Malta biex dan l-istudju jiġi ppubblikat kienu rrifjutati mill-ERA, u għalhekk BirdLife Malta ressqet talba formali magħrufa bħala Freedom of Information (FOI) request, f’Ottubru 2023. L-ERA talbet estensjoni biex tkun tista’ tirrispondi, biex imbagħad f’Diċembru wieġbet li d-dokument ma setax jiġi ppubblikat għaliex qalet li din hija materja ta’ natura riservata rikjesta mill-Kabinett tal-Ministri.
BirdLife Malta eskalat il-kwistjoni u ressqet ilment formali, li wassal għal investigazzjoni min-naħa tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data. Il-konklużjoni tal-investigazzjoni nnotat li min-naħa tas-Segretarju tal-Kabinett kienet tgħid li dan id-dokument intalab mill-Kabinett, u li kien eżentat bil-liġi milli jiġi ppubblikat.
Bi tweġiba għal dan, BirdLife Malta u sitt ENGOs oħra se jressqu appell quddiem it-Tribunal tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data li fih jargumentaw li l-Carrying Capacity Study mhux prerogattiva tal-Kabinett, imma rekwiżit tal-Pjan għall-Immaniġġjar ta’ Kemmuna tal-2014 ikkummissjonat mill-ERA stess, u li suppost għandu l-għan li jservi bħala gwida b’rabta mat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni għall-ħarsien tal-gżira.
Fil-Bajja ta’ Santa Marija fl-aħħar jiem tfaċċa kiosk ieħor mingħajr il-permessi neċessarji tal-ERA li huma meħtieġa biex ikunu awtorizzati attivitajiet bħal dawn f’sit Natura 2000. U l-proposti biex tinbena mill-ġdid il-Comino Hotel għadhom qed jiġu riveduti, bl-għaqdiet ambjentali qed jikkontestaw l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali li sar biex jistabbilixxi l-impatt tal-lukanda fuq is-sit Natura 2000.
L-għaqdiet qed jappellaw lill-Gvern biex jiddistakka ruħu mill-interessi tal-operaturi kummerċjali u jiddikjara b’mod ċar u mingħajr ħabi l-limitazzjonijiet li għandha l-gżira ta’ Kemmuna fir-rigward ta’ kemm tista’ tiflaħ turiżmu sostenibbli, u fl-istess ħin li jagħti prijorità lill-ħarsien tan-natura fuq l-esplojtazzjoni dejjem tikber tal-gżira għall-profitt.
//= $special ?>