Internazzjonali

Valanga fi New Guinea tħalli eluf ta’ djar midfuna u mijiet ta’ persuni neqsin

Ritratt: BBC News

Is-servizzi tal-emerġenza fil-gżira ta’ New Guinea qed jissieltu mal-ħin biex jilħqu villaġġi li ntlaqtu minn valanga. Fejn huwa mifhum li hemm mijiet ta’ persuni mejta.

Sa issa jidher illi l-iskwadri tal-emerġenza fosthom anke dawk militari, għamlu l-wasla tagħhom fil-gżira iżolata, fejn huma qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar sabiex jilħqu ż-żona fid-dawl tal-fatt li l-valanga kkaġunat ħsarat kbar fit-toroq prinċipali. B’riżultat illi ż-żona hija aċċessibbli biss minn ħelikopter.

Il-valanga illi difnet eluf ta’ djar fil-provinċja ta’ Enga f’Papua seħħet għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu ħin lokali. Sa issa, ma hemm l-ebda indikazzjonijiet ta’ kemm hemm persuni li huma possibbli midfunin taħt it-tifrik.

Skont sorsi jidher illi 1,182 dar sfaw meqruda bir-residenti kollha li kienu jgħixu f’dawn id-djar għadhom mhux misjuba. Intant, issa, l-iskwadri huma nkwetati ferm fuq ir-riskji li għad hemm fis-seħħ għall-villaġġi oħra fil-viċinanzi. Dan minħabba l-fatt li hemm riskju li l-valanga tkompli nieżla mal-muntanja.  

Huwa mifhum li fiż-żona li seħħet il-valanga jgħixu madwar 4,000 persuna.