Lokali

Abela qed jitkellem “daqslikieku l-elezzjonijiet jistgħu jħassru l-korruzzjoni sfaċċata ta’ dan ir-reġim”

Aktar analisti politiċi, opinjonisti, akkademiċi u kummentaturi ma jistgħux jifhmu kif il-Prim Ministru qed jibqa’ għaddej bir-retorika tiegħu tal-establishment. Dan meta l-pajjiż jinsab maħsud bir-rivelazzjonijiet xokkanti li ħarġu dalgħodu; fatti li juru kif il-Gvern spiċċa maħkum minn korruzzjoni sfaċċata.

Fost dawk li kkummentaw hemm il-ġurnalist Jurgen Balzan, li fuq il-media soċjali kkundanna l-kliem li qed juża bħalissa Robert Abela, li minflok jattakka l-argument qed jispiċċa jilgħab logħba partiġjana – u jittallab għall-fiduċja tal-votanti.

Jurgen Balzan kiteb hekk fuq Facebook:

“Minflok nitkellmu dwar l-akbar skandlu (s’issa) fl-istorja ta’ Malta, li se jara lil Joseph Muscat jikseb rekord ieħor, dak li jsir l-ewwel Prim Ministru f’Malta li jiffaċċja akkużi kriminali serji fil-Qorti, qed nitkellmu dwar l-establishment, provokazzjoni u fiduċja bħallikieku l-elezzjonijiet li ġejjin jistgħu jħassru l-korruzzjoni sfaċċata ta’ dan ir-reġim.”